‘Agħżel il-prijoritajiet tiegħek’ – din hija l-kampanja li tnediet mir-Responsible Gaming Foundation u entitajiet li jaħdmu qrib il-qasam tal-vjolenza domestika. Inħass il-bżonn li ssir din il-kampanja hekk kif teżisti konnessjoni diretta bejn min jilgħab logħob tal-azzard u l-vjolenza domestika.
Fil-fatt iċ-chairman tal-fondazzjoni u l-kandidat Laburista Silvio Schembri spjega li l-bżonn għal din il-kampanja kien fl-isfond li fl-aħħar tliet snin il-każi ta’ vjolenza domestika żdiedu. Qal li fl-aħħar snin il-fondazzjoni offriet is-servizzi tagħha permezz ta’ għajnuna mil-linja 1777.
Iżda għad fadal xi jsir u għalhekk din il-kampanja se twassal biex tinħoloq kuxjenza fost dawk li għandhom il-vizzju tal-logħob. Kuxjenza li se tkun qed issir permezz ta’ fuljett li se jkun qed jitqassam lill-pubbliku mill-fondazzjoni u l-entitajiet relatati, fuljett li jinkludi sitt mistoqsijiet li se jkunu qed jiddeterminaw jekk persuna għandiex il-vizzju tal-logħob.
F’din il-konferenza rappreżentanti minn entitajiet irrimarkaw li wara li jwieġbu l-mistoqsijiet, il-pubbliku għandu jirrifletti sew u jekk minn dawn il-mistoqsijiet jiddetermina li għandu l-vizzju tal-logħob għandu jfittex l-għajnuna.