Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, ingħaqad mal-President ta’ Cabo Verde u l-Prim Ministri ta’ Tuvalu u Belize, sabiex flimkien jospitaw laqgħa għolja dwar il-mobilità klimatika.
F’din il-laqgħa ħadu sehem mexxejja ewlenin t’aktar minn 17-il stat membru tal-Ġnus Magħquda, bħala parti mid-79 Assemblea Ġenerali li qed issir fi New York.
Id-Deputat Prim Ministru Borg saħaq dwar il-konsegwenzi serji tal-mobilità klimatika fuq stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u li jinsabu f’riskju li jisparixxu taħt l-ilma minħabba li l-livell tal-baħar qiegħed dejjem jogħla.
Appella għal soluzzjonijiet globali sabiex dawn il-gżejjer jiġu mħarsa.
“Qed jaraw konsegwenzi serji minħabba t-tibdil fil-klima speċjalment meta jogħla l-livell tal-baħar u din qiegħda u se tkompli taffettwa dak li jissejjaħ displacement u allura meta popolazzjoni sħiħa jew parti minn pajjiż tkun qed tiċċaqlaq kawża tal-effetti. Jekk diżastru naturali jekk huwiex minħabba litteralment partijiet mill-art jew il-pajjiż sħiħ jinżel taħt il-livell tal-baħar. Dawn huma konsegwenzi li ma nistawx ninjoraw.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega li t-tibdil fil-klima huwa fattur b’tendenza li jimpatta u jimmultiplika sfidi oħrajn, bħall-faqar, in-nuqqas ta’ xogħol u tensjonijiet marbuta mal-iskarsezza tar-riżorsi.
Il-laqgħa kienet ospitata wkoll minn Dennis Francis, il-President tat-78 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, u minn Global Centre for Climate Mobility.
Sadanittant, id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll diversi laqgħat fl-irwol tiegħu bħala ċ-Chairperson tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, fosthom laqgħa mat-Troika tal-OSCE u laqgħat mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ tliet stati parteċipanti tal-istess organizzazzjoni.