Tigger u Apollo huma żewġt iqtates minn tmienja li bħalissa jinsabu għand is-Soċjetà Maltija għall-Protezzjoni u l-Kura tal-Annimali, l-MSPCA jistennew bil-ħerqa li jisirqu l-attenzjoni ta’ xi ħadd li lest jadottahom.
Minkejja li mhumiex frieħ, iż-żewġt iqtates li għandhom tliet snin u sena rispettivament, għandhom karattru ferrieħi b’kilba għall-attenzjoni u dejjem kurjużi dwar x’qed jiġri madwarhom.
Il-manager responsabbli mid-drittijiet tal-Annimali fi ħdan l-MSPCA, spjegat kif huma ma jqisux lilhom infushom bħala santwarju iżda bħala ċentru ta’ kenn temporanju.
“Aħna bħala rehoming centre aktar niffokaw mhux fuq in-numru ta’ annimali hawnhekk, imma li nsibu familja għall-annimali li għandna.”
Tigger huwa qattus li qed jistenna familja li m’għandhiex qtates oħra u li lesta tadottah. Dan hekk kif Tigger għandu l-FIV, marda li tittieħed biss bejn il-qtates u filwaqt li biha jgħix ħajja normali, tillimitah milli jkun ma’ qtates oħra.
Althea spjegat kif meta jkun se jadotta, wieħed għandu jħares ukoll lejn qtates li mhux frieħ.
“Meta tkun qed tadotta qattus akbar minn sitt xhur, int tkun bejn wieħed u ieħor diġà taf il-karattru tal-qattus. Taf jekk hux tajjeb ma’ qtates oħra, kif imur ma’ klieb jew mat-tfal. Tkun taf ukoll l-enerġija li għandu bżonn. Ħafna qtates jadattaw f’appartament, oħrajn ikunu jrid ikollhom fejn jiġru.”
Spjegat ukoll kif it-tim tal-MSPCA jemmen li meta bniedem jadotta qattus li mhux ferħ, isib il-qattus ideali għall-istil ta’ ħajja tiegħu.
“Aħna nippruvaw nadattaw il-qattus għall-ambjent u mhux bil-kontra. Jiġifieri mhux il-persuna tagħżel il-qattus, imma aħna nagħżlu l-qattus għal dik il-familja.”
Ix-xogħol f’dan is-santwarju ma jieqaf qatt, u minn sbieħ il-jum sa nżul ix-xemx hemm tim dedikat jaħdem qatigħ biex jipprovdi l-aqwa kura għar-residenti sufin tiegħu.
Kull min jixtieq jgħin lill-MSPCA jista’ jagħti donazzjoni skont kemm jiflaħ.
5061 7599 – €2.10
5061 8199 – €4.19
5061 8999 – €6.29
5061 9299 – €10.49