L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se ttella’ produzzjoni bl-isem ta’ “Agħti Widen”, li se tgħaqqad il-mużika sinfonika mal-vidjografija b’temi tal-ambjent, is-snajja’ u l-festi Maltin.
Dan il-proġett se jistieden lill-udjenza għal vjaġġ mill-isbaħ ta’ mużika u xenografija, kif ukoll ħsejjes awtentiċi Maltin minsuġa f’narrattiva unika.
Il-Kompożitur tal-mużika sinfonika, Ruben Zahra spjega li din il-produzzjoni se żżewweġ il-ħsejjes tal-mewġ, it-tokki tal-kampnar u ċ-ċekċik taċ-ċombini tal-bizzilla mal-orkestra.
Zahra stqarr, “Huwa kunċert li jiċċelebra l-identità Maltija, mhux biss fl-estetika iżda anke fil-ħoss partikolari tal-ambjent Malti”.
Giuliana Barbaro Sant, mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, spjegat li din il-produzzjoni mhux biss hija unika, imma qed tistieden lil dawk li sejrin jarawha biex jagħtu widen lil dak li jagħmilna Maltin.
Barbaro Sant sostniet, “Huwa proġett importanti ħafna għalina bħala aġenzija, għax huwa progett li jittrata l-wirt kulturali Malti fid-dimensjonijiet kollha tiegħu.”
“Agħti Widen” se tittella’ fi Pjazza Teatru Rjal nhar l-għaxra u l-ħdax ta’ Settembru, taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella.