Din hija t-talba ġenwina ġejja minn qalb laburista.
Hija sfortuna kbira għall-Partit glorjuż Laburista li minn żmien għal żmien nisimgħu stejjer xejn sbieħ dwar xi esponenti tal-Partit.
Huwa vera li l-midja Maltija, li fil-maġġoranza tagħha hija kontra l-Moviment Laburista, tkabbar u tagħti l-kulur lil diversi stejjer li nkunu qed nisimgħu dwar esponenti tal-Partit tagħna stess.
Imma huwa vera wkoll li l-laburist ġenwin iweġġa’ bil-kbir meta jisma’ dawn l-istejjer imxandra ġo u ‘l barra minn xtutna.
Għax il-laburist ġenwin ma jpoġġix l-interessi tiegħu l-ewwel. Imma jemmen bis-sħiħ fil-valuri tal-bżulija, onestà, altruwiżmu u integrità.
L-ewwelnett, il-laburist ġenwin meta jafda lil xi politiku li se jirrappreżentah jagħmel dan għax ikun ħiereġ mill-qalb.
U għalhekk iweġġa’ ħafna aktar meta xi ħadd minn tagħna jiżloq fin-niexef.
U l-laburist ġenwin issibu fuq il-post tax-xogħol, fil-ħwienet u fil-pjazez jipprova jifhem kif xi persuni li fada setgħu qatt ittradew il-missjoni politika tagħhom.
U l-laburist ġenwin iħoss fil-ġewwieni tiegħu li meta esponent mill-istess partit tiegħu jkun qiegħed fl-aħbarijiet għal raġunijiet xejn feliċi, ikun qisu xi ħadd minn tal-familja stess ikun seraqlu dik il-fiduċja tant meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jħares ‘il quddiem b’kuraġġ u ottimiżmu.
Għaldaqstant, issa aktar minn qatt qabel, f’perjodu li l-partit jibda jaħseb għal min se jirrappreżentah fl-elezzjoni li jmiss, jeħtieġ li kull min se jerfa’ l-piż tal-kandidatura għall-pajjiż laburista, jagħmel dan mhux bil-ħsieb li jakkwista xi ħaġa imma sempliċiment jemmen fil-valuri sodi laburisti li żammew dan il-moviment ħaj għal mitt sena.
Jekk xi kandidat għandu skopijiet ulterjuri meta jifta’ l-kandidatura tiegħu, jagħmlilna pjaċir. Jerġa’ jaħsibha sew u jdawwar ir-rotta.
Għax il-laburist ġenwin ma jixraqlux li joqgħod jisma’ bi stejjer li jweġġgħu!
Il-laburist ġenwin irid li l-Moviment Laburista jibqa’ jirrenja fuq il-gżejjer tagħna għas-snin li ġejjin għax jaf li huwa l-unika Moviment politiku f’pajjiżna li jista’ ikun ta’ forċina għas-soċjetà tagħna.