Tinsabu f’idejn tajba, u l-kura li qed tirċievu hija waħda mill-aqwa. Agħmlu kuraġġ u kunu afu li tinsabu fil-ħsibijiet u fit-talb ta’ bosta. Dan kien il-messaġġ li kellu l-President ta’ Malta George Vella lill-pazjenti milquta minn din l-influwenza u l-qraba tagħhom meta indirizza lin-Nazzjon f’messaġġ televiżiv.
Hawnhekk il-President Vella, li għal għomru ħadem bħala tabib, wassal ukoll l-apprezzament sinċier lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa li bħalissa qed iżommu l-interess tas-saħħa pubblika u tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.
“Jiena nemmen ukoll li nkun qed nitkellem f’isimkom lkoll meta permezz ta’ dan il-messaġġ inwassal apprezzament sinċier u f’loku lill-ħaddiema kollha tas-settur tas-saħħa, u dawk kollha f’dipartimenti oħra, kif ukoll lill-voluntiera – mill-kbir saż-żgħir – li b’sagrifiċċji kbar u b’riskju personali qed iduru bil-pazjenti tagħna u fl-istess ħin jieħdu ħsieb l-interess tal-pajjiż kollu f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa pubblika.”
Dr Vella qal li ilu jsegwi l-imxija tal-coronavirus mill-bidu nett u qed ikompli jagħmel dan bl-akbar attenzjoni.
“F’dawn iċ-ċirkostanzi, fejn qed niġġieldu kontra għadu li ma jidhirx, l-informazzjoni hija għodda fundamentali. Nieħu din l-opportunità sabiex nisħaq fuq is-sens ta’ responsabbiltà li għandu jmexxina f’kull pass li nieħdu. Id-direttivi li qegħdin jagħtuna l-awtoritajiet politiċi u tas-saħħa huma maħsuba għall-ġid aħħari tal-poplu kollu, u jridu jiġu osservati bla ebda eċċezzjoni.”
It-Tabib George Vella qal li dan mhux sempliċiment fenomenu ta’ saħħa pubblika iżda għandu riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali wkoll. Semma kif ħafna minna diġà ċċaħdu minn użanzi u drawwiet ta’ kuljum li ħafna drabi kienu mibnija fuq laqgħat mal-qraba u mal-komunità.
“Naf li din iċ-ċaħda taf twassal għal solitudni u forsi anki iżolament, iżda hija waħda bżonnjuża u ma rridux inċedu. Il-mezzi tat-teknoloġija tal-lum jippermettu li ħafna mix-xogħol isir, il-lezzjonijiet jitwasslu u l-kuntatti xorta waħda jinżammu. Ejjew nagħmlu l-aħjar użu minn din l-għodda li għandna f’idejna.”
Il-President Vella temm jappella l-Maltin, l-Għawdxin u l-barranin li jgħixu fostna biex ilkoll isegwu l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u fakkar li b’determinazzjoni, dixxiplina u solidarjetà, nerġgħu nsibu saqajna u nkomplu fejn ħallejna.