Kif nagħmel kuljum tlajt sal-pjazza tar-raħal biex nixtri l-gazzetti. Jien u nieżel lura d-dar ħarist lejn l-arloġġ. Baqa’ ħin għal kafe’ qabel inkompli l-ġurnata. Fl-istess ħin tbissimt. Kull darba li nħares lejn arloġġ niftakar f’Toni tagħna. Tal-arloġġ tal-lira, rigal qal hux.
Dħalt għand Marju. Sellimt, ġabli kafe’ u ntfajt inqalleb fil-ġurnali. M’għaddewx żewġ minuti li ma daħalx Manwel, b’ħanġra daqsiex “Għamilli wieħed ta’ Sajmin, Marju”. Għamilha apposta ħalli kulħadd jieqaf u bħas-soltu l-attenzjoni tmur fuqu. Marju baqa’ jħares lejħ fommu mbewwaq kemm kemm, jistenna. “Ejja Mar, wieħed ta’ Sajmin”. Marju ħares lejħ mill-ġdid b’għajnejħ forma ta’ mistoqsija, mhux magħmulha … mhux aħjar tgħidilna xi trid tgħid mall-ewwel?
Manwel dak li ried. Kellu l-ħanut f’idejh. “Ejja Mar, iftaħli bitter lemon sieħbi”. L-hemda tal-istennija nqatgħet b’musketterija daħk u reġa’ beda t-tgedwid.
Għandu raġun sieħbi Manwel e! Għax ngħiduha kif inhi, trid tkun bitter biex tara dan il-ġid kollu madwarek u tibqa’ oppożizzjoni negattiva u ma tlissinx imqar xi ħaga favur! Bitter. Qrusa. Għax vera trid tkun oppożizzjoni, imma come on, lanqas kelma waħda fuq ix-xogħol, ir-rata dejjem nieżla tal-qagħad, l-investimenti ġejjin bl-addoċċ u x’naf jien?
B’dawn il-ħsibijiet għaddejjin wasalt sad-dar. Imma lanqas ilħaqt se nirfes l-għatba li ma nismax bħal sajjetta mill-bogħod, “Ajtjen … Ajtjeeeen”.
Ċensina, ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel. Qtajt qalbi ngħidilha li ismi Etienne. “Ejja ‘l hawn ħa nkellmek naqa’ ħi”. Ma Ċensina ma tiċċajtax. Żaqqa f’fomma. Ma tiddejjaqx tgħidilek kif tħossha, bil-pulit jew bil-goff. Kontra qalbi, għax kont naf li se neħel, imxejt lejha. Hemm fit-tieqa, bil-persjani miftuħin beraħ, idejha msallba fuq il-ħoġor, b’sidirha jistrieħu fuqhom, kważi kważi jmissu ma’ mnieħri. “Ejja ‘l hawn int ħa nkellmek naqa’ … qed tħossha?”
“X’hiex, Ċens?”. “Mhux qed tħossha int? Mhux qed thossħa t’theddida fuq id-demokrazija jew”. Risposta ma kinetx qed tistenna. “X’kull waħda wkoll. Ara veru qed jitlef ta! Ġabru l-flus minħabba t-theddida ħej! Fejn qed jaraha t-theddida dan bejn ….”
“Hawn tad-downats, sħan u tajbin”. Il-ħoss tad-downats tefa’ naqra l-postijiet mudlama li semmiet Ċensina. “’Qas jimposta ittra m’hu kapaċi, aħseb u ara kemm jaf x’inhi demokrazija. Taf x’demokrazija għandu hux, jew niggverna jien jew infixkel b’kull mod possibbli. Tar-religio e patria ħej! Mela l-ħdura w l-azzjonijiet ħżiena jmorru id f’id mal-… ħa nieqaf hawn ara” żiedet Ċensina hekk kif qalet il-leminija minn taħt sidirha u raddet is-salib, “għax ma rridx nitlef tqarbina. Puuuuu…”
Ażżardajt indaħħal sentenza, “Iva Ċens, imma heqq …”
“Ħeqq xejn, Ajtjen, mela mhux għarukaża jew! Għarukaża għidt ta, mhux Casa, dak in-nofs kedda, li kien daħal il-bank fi żmien il-Lejber u ħlief jgħid kontra pajjiżna u jagħmel ħsara lil Malta tagħna ma jagħmilx ta … wara li kien jilgħaba tal-Laburist. Religio e patria ieħor dak!”
“Dik insewha Ċens!”.
“U żgur li jinsewha! Donnhom qed jinsew ħafna affarijiet, ja qatta’ ipokriti. Ma jridux jammettu li hawn il-ġid fil-pajjiż. U minn kollox għandna ta, għidilhom.” Ħarġet idha u għaddiet subajha mal-injam tal-persjana. “Ara jekk hemmx trab iswed tal-pawer stejxin ħa”. Temmgħetli subgħajha ftit ‘l bogħod minn wiċċi. “Le, Ċens. Anki l-arja tinħass differenti hux!”
“Qed ingawdu mal-Lejber, Ajtjen. U ma jridux iniżżluha. Għalhekk dat-tfixkil u l-vomtu kollu.”
Erġajt ipprovajt, ninfilsa ħsieb tiegħi. “Ċens, fid-dinja kollox …”
“U ar’hemm int”, qalti, hekk kif reġgħet qalgħet idha minn taħt sidirha u bdiet tfajjar subgħajha l-werrej żewġ ċentimetri ‘l bogħod mill-ponta ta’ mnieħri. Werċitni koċċ, b’dak id-difer oranġjo b’żewġt ifriefet lewn il-fidda jiżfnu quddiem imnieħri. “Fid-dinja kollox x’hiex? Biex ġej?”
Tatni ċans. “Ċens, fid-dinja kollox irid ikun. L-oppożizzjoni hemm qiegħdha biex tikkritika hux”.
Ċensina olzat minn fuq idha u ddrittat. Tefgħet ix-xellugija fuq ġenbejha u ppuntat il-friefet bejn għajnejja. Bdejt narahom erbgħa f’daqqa waħda. B’ħarsa morra fetħet ħalqha, “Ara x’qed ngħidlek gustuż. Li tikkritika tajjeb. Imma li tiftaħ ħalqek biex mingħalik twaqqa’ l-gvern ta’ Joseph għaċ-ċajt u tgħid l-imbiċillaġni ħaġa oħra ta! Sellili!” Għalqet il-persjani f’wiċċi u daħlet ‘l ġewwa.
Ħaqq! Aħjar xtrajt waħda friska, sħuna u tajba qabel dħalt id-dar! Fejn mar tad-downats?
Artiklu ta’ Etienne St John