Il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija qalet li għadu kif ġie ppubblikat ir-Reġistru Elettorali rivedut li fuqu hi bbażata l-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-3 ta’ Ġunju 2017, fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Mejju, 2017. Wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dan ir-reġistru billi jidħol online fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni ‘Pubblikazzjonijiet’ u jagħfas il-buttana ‘Nista’ nivvota?’
Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap 354) sad-data tal-għeluq, l-1 ta’ Mejju 2017, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru, u kull votant li ismu, l-indirizz, jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont artikoli 39 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali sa nhar is-Sibt 20 ta’ Mejju 2017 sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-Reġistru Elettorali.
Kull votant reġistrat li:-
- Jgħid li minħabba xi raġuni legali l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-Reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
- Jgħid li l-isem, l-indirizz, jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-Reġistru;
Jista’ wkoll, skont artikoli 40 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, jagħmel appell għal dan l-għan lill-Uffiċjal Reviżur sa nhar is-Sibt 20 ta’ Mejju 2017.
Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd hu mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot fl-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-3 ta’ Ġunju 2017.
Min jixtieq jara r-Reġistru tal-Elezzjonijiet Ġenerali jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Elettorali.