Il-membru Ewroparlamentari Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li biex nirrispondu għat-tensjonijiet maħluqa minn diskors ta’ mibegħda, il-populiżmu u l-aħbarijiet foloz fuq il-midja soċjali, irridu naġġornaw il-valuri tagħna maż-żminijiet tal-lum waqt li nżidu t-tolleranza u l-profil liberali tal-Ewropa.
Dr Sant tkelelm waqt dibattitu dwar is-suġġett. Qal li l-populiżmu u l-estremiżmu qed jiżdiedu f’Ewropa tqila bir-rabja u t-tensjoni.
Il-prevalenza ta’ kliem ta’ mibegħda u atti vjolenti lejn l-immigranti u r-refuġjati flimkien ma’ tendenzi ostili lejn valuri liberali u soċjetajiet miftuħa huma manifestazzjonijiet ta’ din l-atmosfera.
“Id-dritt li noffendu, meta jiġi ekwivalenti għal diskors ta’ mibegħda? Taħt liema kundizzjonijiet l-osservanza ta’ tradizzjonijiet reliġjużi tikkontradixxi prattiċi liberali? Kif nistgħu niġġustifikaw sorveljanza riġida fuq l-internet, inkluż ‘iċ-ċensura’, biex niġġieldu ‘l-aħbarijiet foloz’? Sa liema punt id-dritt tal-privatezza tal-individwu jipprevali fuq miżuri ta’ sorveljanza biex jittaffa t-tħassib relatat mal-internet u attivitajiet oħra kriminali, bħal frodi fit-taxxa u diskors ta’ mibegħda? Ma għandniex risposti ċari u sodisfaċenti għal dawn it-tip ta’ mistoqsijiet!
Is-sistema ta’ valuri liberali li ilha tipprevali fl-Ewropa tal-Punent sa mit-Tieni Gwerra Dinjija ħolqot soċjetà miftuħa u tolleranti li tħalli d-diversità, il-liberta` tal-ħsieb u l-espressjoni u t-tkattir tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fostna. Din is-sistema ta’ valuri qed tbati biex tlaħħaq mat-tensjonijiet etiċi u soċjali li nħolqu fost oħrajn minħabba: l-innovazzjoni teknoloġika speċjalment fil-qasam tal-komunikazzjoni; differenzi interkulturali fi ħdan is-soċjetajiet tagħna; l-immigrazzjoni; it-terroriżmu; u ż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali.” qal Dr Sant.