Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Minn statistika ppubblikata mill-Eurostat irriżulta li fix-xahar ta’ Mejju ta’ din is-sena, irriżulta l-inqas rati ta’ qgħad kienu rreġistrati fir-Repubblika Ċeka (4.0%), Malta (4.1%) u l-Ġermanja (4.2%).
Mill-banda l-oħra, il-Greċja (24.1%) u Spanja (19.8%) kienu l-iżjed pajjiżi li rreġistraw rati għolja ta’ qgħad. Il-medja tal-istati membri hija ta’ 8.6%.
F’Mejju tal-2016, Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ (6.9%). Isegwu l-Ġermanja (7.2%) u r-Repubblika Ċeka (10.1%).
Il-Greċja (50.4%), Spanja (43.9%), l-Italja (36.9%) u l-Kroazja (31.4%) irreġistraw l-ikbar rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fost il-pajjiżi stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Eurostat jistma li 21.084 miljun mara u raġel mill-Unjoni Ewropea, kienu mingħajr impjieg f’Mejju 2016. Meta mqabbel m’April 2016, in-numru ta’ persuni mingħajr impjieg naqsu b’96,000.
B’reazzjoni għal dan, il-Gvern qal li din hija l-inqas rata ta’ qgħad li qatt ġiet osservata mindu l-Eurostat bdiet tiġbor din l-istatistika għal pajjiżna.
Il-Gvern qal li skont il-Eurostat, il-qgħad f’Mejju kien 2 punti perċentwali inqas mir-rata fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni. Hemmhekk Malta kellha rata ta’ qgħad punt perċentwali ogħla minn dik fil-Ġermanja. Illum il-qgħad f’Malta naqas taħt dak fil-Ġermanja, il-mutur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern osserva li fil-leġiżlatura preċedenti, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna bħala medja kienet 6.5%. F’Diċembru 2009 pajjiżna kien laħaq rata ta’ qgħad ta’ 7.3%, b’distakk ta’ 2.7 punti perċentwali mill-medja taż-żona ewro.
“Illum, bejn ir-rata tal-qgħad f’Malta u l-medja taż-żona ewro hemm distakk rekord ta’ 6 punti perċentwali.”
Lejlet l-aħħar budget tal-gvern preċedenti, skont il-Eurostat, kien hemm 4,000 aktar persuna bla xogħol milli hawn illum. Fattur ewlieni wara dan it-tnaqqis kien it-titjib fil-qgħad fost iż-żgħażagħ.
“Dan seħħ grazzi għal miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ – dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien isostni li hi one big menace for our economy. Il-miżuri ta’ dan il-gvern wasslu għall-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ mindu bdiet tinġabar l-istatistika.”
Il-Gvern qal li din hija konferma tal-għaqal fil-politika ekonomika u soċjali li qed iħaddem il-Gvern. Il-ġlieda kontra l-qgħad trid tkompli u fix-xhur li ġejjin se jittieħdu aktar miżuri ħalli nkomplu ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u b’hekk dawn igawdu aktar mit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.