Tifel ta’ 5 snin kif ukoll mara ta’ 32 sena qed isofru minn ġrieħi gravi dan wara li lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas- 14.00p.m seħħ aċċident bejn żewġ vetturi fi Triq l-Iljun, Ħal Qormi.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni vettura tat-tip Ford Fiesta u vettura oħra Renault Clio kellhom impatt bil-konsegwenza li ż-żewġ xufiera kif ukoll il-passiġġiera ġarrbu xi ġrieħi.
Il-vettura tal-għamla Ford kienet misjuqa minn raġel ta’ 32 sena li kellu riekba miegħhu mara ta’ 32 sena, tifla ta’ 13-il sena, kif ukoll żewġ subien ta’ 9 xhur u 5 snin.
Dawn il-persuni huma ta’ nazzjonalita Ingliza, residenti Ħal Għaxaq.Il-vettura l-oħra, Renault, kienet qed tigi misjuqa minn raġel ta’ 20 sena residenti s-Siġġiewi.
Is-sewwieq ta’ 32 sena, is-sewwieq ta’ 20 sena, it-tifla ta’ 13-il sena u tarbija ta’ 9 xhur kollha sofrew ġrieħi ħfief.