Inċident sfortunat ħalla raġel ta’ 43 sena minn San Pawl il-Baħar jissielet għal ħajtu.
Ir-raġel waqa’ għoli ta’ tliet sulari u ġarrab ġrieħi gravi f’rasu.
Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:15 ta’ dalgħodu wara li l-vittma ssakkar barra mill-appartament tiegħu f’binja li tinsab fi Triq San Ġorġ.
Xhieda fuq il-post qalu li r-raġel tela’ fuq il-bejt u pprova jaqbeż minn gallarija qrib l-appartament tiegħu. Madankollu ma wassalx sal-gallarija tal-propjetà tiegħu u baqa’ nieżel.
Fuq il-post isejħet l-ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia, fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.