Ljubica Zikovic ta’ 52 sena mis-Serbja nżammet arrestata wara li wieġbet mhux ħatja li allegatament serqet tliet vażuni u arloġġ fost oġġetti oħra, mill-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li jammontaw għall-valur ta’ madwar €13,000.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-oġġetti għadhom ma ġewx irkuprati sal-ġurnata tal-lum. Qalet ukoll li l-imputata, li taħdem bhala perit, għandha l-vizzju tad-droga.
Għal din id-dikjarazzjoni, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Dontella Frendo Dimech, ħarġet ordni tat-trattament fil-konfront tal-akkużata.
Id-difiża, talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-mara, bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li jista’ jkun hemm il-biża ta’ tfixkil fil-provi.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-akkużata mhux persuna affidabbli minħabba li diġà tinsab taħt ordni ta’ probation fuq reati oħrajn.