Marokkin ta’ 29 sena tilef ħajtu wara l-iskuna li kien qiegħed fuqha inqalbet fiż-żona Taż-Żonqor f’Wied il-Għajn.
Flimkien mal-Marokkin kien hemm tliet persuni oħra li tnejn minnhom irnexxielhom jgħumu sax-xatt iżda raġel ieħor li x’aktarx huwa missier il-vittmi għadu mitluf.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li b’kollox kien hemm erba’ dgħajjes li ħarġu jistadu iżda għal xi raġuni, waħda mid-dgħajjes inqatgħet għaliha u nkaljat ma’ sikka li kien hemm ftit aktar il-barra.
Mal-ewwel sejħa għall-għajnuna skattat operazzjoni kbira ta’ tfittxija u salvataġġ mill-Forzi tal-Ordni u l-Isptar Mater Dei. Immedjatament fuq il-post marret id-dgħajsa tas-salvataġġ tal-Armata Melita 1 flimkien ma’ ħelikopter fiż-żona tal-inċident.
Il-Protezzjoni Ċivili li kienu fost l-ewwel li kienu fuq il-post niżlu mal-blat u tellgħu lill-ġuvni ta’ 29 sena li minkejja diversi tentattivi biex isalvawlu ħajtu ġie ċċertifikat mejjet fl-Isptar Mater Dei.
Għal ħin twil fiż-Żonqor kien hemm ukoll tim mediku bit-tobba u infermiera mill-Emerġenza ta’ Mater Dei.
Ma’ sbieħ is-Sibt it-tfittxijiet komplew fuq il-baħar mill-għaddasa tal-Forzi Armati fejn dehru jgħoddsu mad-dgħajsa u f’diversi żoni oħra tal-port.
Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post jidher li ż-żewġ irġiel ta’ 34 sena li rnexxielhom jitilgħu l-art marru jħabbtu għall-għajnuna fuq il-bibien ta’ xi residenzi li jinsabu max-xatt.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Charmaine Galea bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.