Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, permezz tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali, nieda l-mappa ġeoloġika aġġornata tal-gżejjer Maltin.
L-aħħar aġġornament tal-mappa ġeoloġika kien sar fl-1993, meta l-mappa ġiet ippubblikata fuq skala ta’ 1:25,000. Il-mappa issa saret mill-ġdid fuq skala aktar dettaljata ta’ 1:10,000 mill-British Geological Survey.
Din il-mappa l-ġdida hija bbażata fuq informazzjoni miġbura minn diversi sorsi, inkluż stħarriġ estensiv fuq il-post, li wkoll sar mill-British Geological Survey.
Tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali, Dr Albert Caruana
“Dan ix-xogħol huwa importanti għall-ġeoloġisti, il-ġeoxjentisti, li qed jagħmlu x-xogħol tagħhom, għall-periti, u anke għal akkademiċi. Aħna rajna ħafna downloads fis-snin li għaddew. Fil-fatt, kienet popolari ħafna l-mappa ġeoloġika fil-website tagħna, u anke issa qed nisperaw li dan il-prodott ikun popolari wkoll.”
Dr Caruana qal li qabel it-tnedija tal-mappa sar proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet kif ukoll mal-publiku permezz tas-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali.
“Aħna llum m’aħniex ngħidu li l-mappa hija lesta, nistgħu ninsewha u ma nerġgħux naġġornawha. Anzi, bil-feedback li jista’ jidħol, dak il-feedback li aħna nirċievu min-nies huwa importanti biex aħna nkomplu nirranġaw il-mappa u ntejbu l-prodott tagħna.”
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, faħħar ir-riċerka li saret mid-Dipartiment tal-Blata Kontinentali, li qed tippermettilna nifhmu aħjar it-territorju tal-pajjiż u minn xiex hu magħmul. Huwa stqarr li, minkejja li t-territorju jinkludi biss 316-il kilometru kwadru ta’ art, il-blata kontinentali hi mifruxa fuq 70,000 kilometru kwadru.
“Hija mappa li ġiet aġġornata bl-aħħar teknoloġija permezz ta’ għajnuna mir-Renju Unit u proprju tagħti definizzjoni aħjar tal-ġebla Maltija kif inhi, l-istrati kif ivarjaw, u jidher biċ-ċar li kien hemm aġġornamenti li jagħtu indikazzjoni aħjar ta’ kif inhuma l-gżejjer Maltin.”
Huwa qal li l-kobor tal-blata kontinentali jippreżenta opportunità għall-Gvern biex jespandi l-għanijiet ekonomiċi tiegħu u jinvesti fl-enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwa lil xtutna viżwalment.
Permezz tal-iżvilupp taż-żona ekonomika esklussiva, li tinsab bejn it-tnax u l-ħamsa u għoxrin mil nawtiku ’l bogħod minn xtutna, jistgħu jiġu akkomodati teknoloġiji ġodda li se jgħinu biex jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.
Il-mapep aġġornati se jkunu disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Blata Kontinentali.