Permezz ta’ emendi proposti f’whitepaper imressqa mill-gvern, il-liġi tal-medjazzjoni se tkun aġġornata biex issir aktar aċċessibbli u tiffaċilita t-triq għall-partijiet li jagħżlu riżluzzjoni amikevoli tat-tilwim.
Il-White Paper tipproponi li l-proċess ta’ medjazzjoni isir obbligatorju, iżda l-partijiet xorta jkollhom l-opportunità li ma jużawhx.
Bil-għan li l-medjazzjoni issir iktar popolari f’ oqsma oħra taċ-ċivil, l-emendi jniedu proġett pilota li tħeġġeġ lill-partijiet involuti f’ tilwima dwar il-kera biex minflok imorru quddiem il-board li jirregola l-kera, li s’issa huwa l-ewwel rikors, jgħaddu quddiem iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni.
Il-liġi proposta tgħid li fi żmien 15-il ġurnata jkun appuntat medjatur, li jagħmel kull sforz sabiex jiġi riżolt il-proċess ta’ medjazzjoni f’massimu ta’ 60 jum. Jekk il-partijiet jaqblu li għandhom bżonn iktar żmien, bi qbil reċiproku dan iż-żmien jista jkun estiż għal 60 jum ieħor. B’hekk ikunu l-partijiet li jiddeterminaw kemm idumu jtawlu l-każ.
L-emendi proposti jippermettu wkoll l-għotja ta’ għajnuna legali lill-partijiet jekk din tkun mitluba waqt il-proċess ta’ medjazzjoni. Fid-dawl tal-isforz li qed issir biex il-qrati javvanzaw teknoloġikament, il-white paper tippermetti li s-seduti ta’ medjazzjoni jsiru permezz ta’ tekonoloġija ta’ komunikazzjoni mill-bogħod minflok mal-partijiet ikunu fiżikament preżenti fl-istess kamra.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif permezz tal-Medjazzjoni l-partijiet f’każ ikunu jistgħu jidentifikaw il-punti li fuqhom hemm qbil u l-punti li ma jistgħux jaqblu fuqhom. B’hekk il-Qorti tkun tista’ tiffoka aktar fuq il-punti li hemm bżonn jiġu deċiżi u b’hekk tuża’ l-ħin bl-aktar mod e
ffiċjenti.
Għaldaqstant il-medjazzjoni hija għodda li mhux biss toffri alternattiva għall-proċeduri fil-qrati iżda ukoll bħala mekkaniżmu li jgħin sabiex jonqos id-dewmien fil-qrati, li hija propju wegħda elettorali tal-Gvern.
Dan ma jfissirx li l-partijiet ma jkollhomx bżonn jirrikorruu għal qorti, għaliex minħabba n-natura volontraja tal-medjazzjoni jew jekk din ma jkollhiex suċċess fit-total jew fil-parti fil-massimu ta’ 120 jum stipulat jitkompla l-proċess ‘tradizzjonali’ tar-riżoluzzjoni tat-tilwim.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar din il-white paper hija miftuħa sal-aħħar tax-xahar, għalhekk wieħed jista’ jgħaddi ħsibijietu fuqinfo@mediationmalta.org.mt.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/09/MLT.pdf”]