L-aħwa George u Alfred Degiorgio tressqu l-Qorti darbtejn matul il-ġurnata wara li, fl-ewwel lok, irrifjutaw jixhdu fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
F’Ottubru tal-2022, l-aħwa Degiorgio kienu kkundannati 40 sena ħabs kull wieħed wara li ammettaw is-sehem tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia fis-16 t’Ottubru 2017.
Fil-fatt filgħodu, iż-żewġ aħwa kienu msejħa jixhdu fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech. Madankollu t-tnejn li huma rrifjutaw li jixhdu, bil-Maġistrat Rachel Montebello tinformahom li huma m’għandhomx dan il-privileġġ.
Kien hawn li ż-żewġ aħwa baqgħu jippersistu biex ma jixhdux, sakemm il-Maġistrat ordnat lill-Pulizija biex fi żmien 48 siegħa jitressqu fil-Qorti b’akkużi ġodda.
Fil-fatt, aktar tard waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, l-aħwa Degiorgio reġgħu tressqu fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkuża li rrifjutaw li jixhdu.