17:15 – ONE News jinsab infurmat li nstab xorb alkoħoliku fuq id-dgħajsa. Mhux mifhum ta’ min hu l-alkoħol, jekk hux tas-sid tad-dgħajsa jew tal-persuni barranin li kienu abbord id-dgħajsa.
Nifhmu li qed issir investigazzjoni dwar ksur ta’ miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa u anki jekk kienx hemm permess li jisserva l-alkoħol.
Aktar qabel – Dinghy ta’ Transport Malta interċetta dgħajsa b’għadd ta’ persuni fuqha, li rapporti qalulna li dawn marru għall-mawra flimkien madwar il-kosta Maltija u sa Kemmuna.
Nifhmu li din l-opra tal-baħar hija l-istess waħda li dehret f’filmat li ttella’ dalgħodu fuq il-midja soċjali, fejn numru ta’ nies jidhru jitilgħu fuq din l-opra tal-baħar lesta biex titlaq minn Buġibba.
Din l-opra tal-baħar issa tinsab dieħla eskortata lura lejn Buġibba u jistennewha hemm il-pulizija u timijiet mid-dipartiment tas-saħħa biex jinvestigaw jekk hemmx każ ta’ ksur ta’ direttivi mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija.
ONE News huwa infurmat li fuq id-dgħajsa hemm tmenin persuna, ħafna minnhom barranin u se jkun investigat jekk isserviex alkoħol meta ma kienx hemm permess għal dan.
Fuq id-dgħajsa, membri tad-Dipartiment tas-Saħħa qed jieħdu l-kuntatt tan-nies abbord biex isir intraċċ tal-kuntatti f’każ li jiżviluppa każ ta’ Covid-19.