Il-ġuvni ta’ 20 sena li qed ikun suspettat li qatel lill-Polakka li nstabet mejta l-Ħadd filgħodu ġie arrestat wara li qajjem kommossjoni hekk kif daħal ikisser fil-Knisja tal-Balluta.
Sorsi qalu ma’ ONE NEWS kif l-arrest sar wara li s-suspettat daħal fil-knisja tal-Balluta, tela’ fuq l-artal u qaleb sedja u leġiju.
Filwaqt li ħasad lil dawk kollha li kienu fil-knisja jistennew biex tibda l-ewwel quddiesa tal-ġurnata, raġel li kien preżenti ħarġu mill-knisja.
F’dan il-waqt jista’ jagħti l-każ li lissen xi kliem dwar l-omiċidju. Kelliem mill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-pulizija kkonferma li r-raġel ġie arrestat barra l-Knisja wara l-kommossjoni li qajjem u wara li daħlilhom rapport separat.
Kmieni l-Ħadd filgħodu l-vittma nstabet mejta fi ġnien pubbliku f’Tas-Sliema.
Mhux magħruf x’wassal għall-mewt tal-mara iżda persuna li tkellem ma’ ONE News qal li l-mara setgħet ġiet abbużata sesswalment u nstabet kważi bla ħwejjeġ, madankollu nifhmu li l-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija se jitfgħu dawl fuq il-kawża tal-mewt tal-mara.
Jidher ukoll li l-mara sofriet ukoll diversi ġrieħi f’rasha.
Ara wkoll: