In-nirien li ħakmu boat yard fi Triq Ħal Far, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, l-Erbgħa filgħaxija ġew ikkawżati b’mod aċċidentali, aktarx minn xi short circuit fuq waħda mid-dgħajjes. Fin-nirien jirriżulta li nqerdu mill-inqas erba’ opri tal-baħar.
ONE News informat li l-espert tan-nirien David Borg Saydon, bħala parti mill-inkjesta li nfetħet, għamel aċċess fuq il-post il-Ħamis filgħodu, fejn wasal għall-konklużjoni li l-każ mhux wieħed doluż, jiġifieri seħħ apposta minn xi ħadd, iżda wieħed aċċidentali.
Ħaddiema u numru kbir ta’ vetturi tat-tifi tan-nar mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili l-Erbgħa filgħaxija kienu fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, li ħadet ftit ħin mhux ħażin. Bħala prekawzjoni, Triq Ħal Far, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, kellha tingħalaq minn Transport Malta waqt li kienet għaddejja l-operazzjoni delikata.
Tim mediku mill-Isptar Mater Dei wkoll kien preżenti fiż-żona għall-eventwalità.