It-Tnejn filgħodu nqatgħet il-provista tal-elettriku madwar il-pajjiż riżultat ta’ ħsarat fil-baħar fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija.
Kien għal ħabta tas-7:30 ta’ filgħodu meta nqata’ d-dawl, bl-Enemalta toħroġ stqarrija minnufih u tgħid li kien hemm qtugħ estensiv ta’ dawl.
Fi stqarrija l-Enemalta qalet li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li kien hemm ħsara fi 2 minn 3 linji kollha tal-fibreoptic madwar tletin kilometru ‘l bogħod minn Sqallija fl-ibħra internazzjonali.
Dak il-ħin l-interconnector kien mgħobbi b’mod sħiħ peress li kien hemm limitazzjonijiet fil-kapaċità tal-impjanti tal-ġenerazzjoni fis-sit ta’ Delimara.
Inqas minn 3 sigħat wara, il-provista tal-elettriku bdiet ġejja lura għan-normal permezz ta’ turbini t’emergenza, bil-prijorità kienet li jingħataw id-dawl postijiet strateġiċi.
Filfatt il-provvista tal-elettriku ġiet lura fl-isptar Mater Dei.
Peress li teżisti l-possibilità li l-ħsarat fuq l-interconnector jieħdu l-ġimgħat sabiex jiġu rranġati, dan inaqqas mill-flessibilità li l-Enemalta għandha għad-dispożizzjoni tagħha minn fejn tkun tista’ tixtri l-elettriku.
Dan jista’ jirriżulta f’interruzzjonijiet fil-provvista tad-elettriku minn żmien għal ieħor f’ċirkustanzi li Enemalta ma jkolliex kontroll fuqhom.