Ħames persuni barranin baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti t-Tlieta filgħodu b’rabta ma’ ċirku ta’ kriminalità organizzata, li kienet tinvolvi traffikar tad-droga.
Dawn huma raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 22 sena mis-Serbja, raġel ta’ 34 sena mill-Kroazja, raġel ta’ 54 sena mill-Maċedonja u Taljan ta’ 37 sena.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li, il-Ħadd li għadda, il-Pulizija ċċirkondat vettura fejn instabu mas-seba’ kilogrammi ta’ kokaina. Intqal li l-Pulizija kienet ilha żmien tissorvelja allegata organizzazzjoni kriminali magħmula minn Serbi, li setgħet kienet involuta fi traffikar ta’ droga, armi u dokumenti foloz.
L-investigazzjonijiet tal-Ħadd komplew bi tfittxijiet f’residenza f’Ħaż-Żabbar u tnejn oħrajn f’Wied il-Għajn, li wasslu biex tinstab aktar droga, armi tan-nar u apparat relatat mat-traffikar tad-droga.
B’kollox ġew ikkonfiskati seba’ kilogrammi kannabis u seba’ kilogrammi oħra ta’ kokaina.
Waqt li l-avukati difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest, il-persuni, li kollha wieġbu mhux ħatja għall-akkużi kontrihom, ġew ordnati mill-Qorti biex jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
AQRA IKTAR: