Żvolta fl-investigazzjonijiet tal-puliiza dwar il-qtil kiesaħ u biered tal-immigrant Lassana Souleymane li fl-għodwa tas-sebgħa ta’ April li għadda nqatel b’tir f’rasu fi Triq il-Ġebel, f’Ħal Far.
Fl-aħħar sigħat il-Pulzija arrestat żewġ suldati żgħażagħ, Francesco Fenech miż-Żejtun u Lorin Scicluna minn Raħal Ġdid li allegatament kienu l-moħħ wara dan l-ewwel omiċidju f’pajjiżna b’motivazzjoni razzjali.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kkonfermaw li l-Pulzija wasslet għas-suspettati wara li elevat xi filmati minn cameras tas-sigurtà li qabdu karozza tal-għamla Toyota Starlet li allegatament intużat mill-aggressuri. F’dan l-istadju l-Pulizija kkonfermat li l-karozza u l-arma li ntużaw f’dan id-delitt instabu u jinsabu t-tnejn miżmuma mill-Pulizija.
Lassana kien instab mejjet f’nofs ta’ triq wara li l-Pulizija ġiet mgħarrfa li nstemgħu xi tiri fi Triq il-Ġebel u li kien hemm persuna midruba mal-art.
Madankollu, malli waslu fuq il-post il-Pulizija sabu tliet persuni barranin midruba f’distanza ‘l bogħod minn xulxin fosthom Lassana li ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, immigrant mill-Gambia ta’ 28 sena u ieħor mill-Guinea ta’27 sena.
Dan wassal lill-investigaturi għall-ipotesi li dan l-attakk seta’ seħħ minn persuna li spara tiri waqt li kien riekeb f’karozza misjuqa minn persuna oħra.
Id-dinamika ta’ kif seħħ il-każ wassal lill-investigaturi wkoll biex jikkonkludu li l-qtil seħħ minħabba mibegħda razzjali.
Ipotesi li kienet ikkonfermata l-Ġimgħa filgħaxija meta wieħed mis-suspettati allegatment ammetta mal-Pulizija li wettaq dan ir-reat għax ma jiflaħx jara quddiemu persuni ta’ karnaġġjon skur.
Jidher li dan kixef ukoll lil sieħbu li allegatament spara t-tiri mit-tieqa tal-karozza waqt li kien riekeb fuq is-seat tal-passiġġier. Sorsi qrib l-investigazzjoni qalulna wkoll li dan ammetta li kien involut ukoll f’hit and run fuq immigrant ta’ 17-il sena li kien seħħ fl-istess triq xahar qabel il-qtil.
B’reazzjoni l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin b’mod intensiv sa mill-ewwel jum tal-omiċidju. Qal li dan is-suċċess wasal bis-saħħa ta’ kordinazzjoni li qiegħda dejjem tikber bejn it-taqsimiet differenti tal-Korp. Qal li din il-koperazzjoni qed twassal lil Malta sabiex ikun pajjiż aktar sikur.
B’reazzjoni għal dan l-arrest numru ta’ għaqdiet mhux governattiv faħħru x-xogħol tal-Pulizija li fi ftit aktar minn xahar solvew dan il-qtil makabru.
Qalu li għemil bħal dan mhux aċċettat f’pajjiżna hekk kif il-mibegħda tittradixxi lil kulħadd inkluż lil dawk li jwettqu attakki kodardi bħal dan.
http://www.one.com.mt/2019/05/18/fl-ahhar-hin-tnejn-arrestati-u-iehor-imfittex-brabta-mal-qtil-tal-immigrant-fhal-far-2/