Żewġ persuni sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku b’vann tal-flus fir-Rabat.
Is-sewwieq ta’ tletin sena residenti Ħal Għaxaq, għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vann tat-tip Fiat Ducato, bil-konsegwenza li baqa’ dieħel ġo siġra.
Flimkien miegħu kien hemm passiġġier ta’ tlieta u tletin sena residenti ż-Żejtun.
Tim mediku u uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili taw l-ewwel għajnuna fuq il-post.
Minn hemmhekk ittieħdu l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.