ONE News jinsab infurmat li tmien persuni ġew arrestati bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi wara li daħlu f’pajjiżna illegalment.
Mill-ewwel informazzjoni jidher li kienet powerboat li daħlet il-persuni u ħarbet minn fuq il-post.
Il-Pulizija kienet infurmata għall-ħabta tat-tmienja u kwart tal-Ġimgħa filgħaxija li x’aktarx daħlu xi immigranti minn fuq il-baħar f’Wied iż-Żurrieq.
Fuq il post marru pulizija tar-RIU, tal-Immigrazzjoni u tad-Distrett.
Fit-triq ta’ bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi ntlemħu mexjin tmien irġiel, ħames Sirjani u tliet Eġizzjani.
Dawn il-persuni ġew arrestati minnufih u ttieħdu d-Depot għal aktar stħarriġ.
Nifhmu li saru aktar tfittxijiet mill-pulizija fuq l-art u mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar f’każ li kien hemm iżjed immigranti.