Ħadd mix-xhieda li kellhom jixhdu fis-seduta tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tlett akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma’ dehru fl-awla tal-qorti, filwaqt li kien hemm oħrajn li nnotifikaw lill-Qorti li ma setawx jattendu.
B’ hekk uħud mix-xhieda mistennija jixhdu fis-seduta ta’ nhar il-Ħamis li ġej.
Fost ix-xhieda li kellhom jixhdu dalgħodu kien hemm uħud mill-esperti tal-qorti mqabda mill-inkjesta maġisterjali, bil-prosekuttur ewlieni l-Ispettur Keith Arnaud jgħid kif nhar il-Ħamis mistennija jixhdu mat-tmien xhieda fosthom esperti tal-qorti, u kif ukoll uffiċjali tal-forensika flimkien ma’ xi patoloġisti u uffiċjali mill-kumpanija VODAFONE.
Fis-seduta tal-Erbgħa filgħodu l-Ispettur Arnaud preżenta numru ta’ sentenzi li ngħataw fil-passat lill-akkużati bħala evidenza li wħud mill-akkużati huma riċedivi. Fost dawn kien hemm sentenza fil-konfront ta’ Vince Muscat il-Koħħu flimkien ma’ tnejn oħra fil-konfront ta’ George Degorgio ċ-Ċiniż.
L-aħwa Alfred u George Degorgio magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, daħlet fi stadju avvanzat ħafna sitt xhur biss wara lill-akkużati tressqu l-qorti mixlijin b’ dan il-qtil.