Waħda mill-passiġġieri li kienu nvoluti fl-inċident fin-Naxxar il-bieraħ filgħaxija tilfet it-tarbija tagħha. Hija għandha 26 sena mill-Belarus, u residenti tas-Sliema. Fl-istess ħin, tifla ta’ sitt snin u mara oħra ta’ 27 sena qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-18.00 fi Triq Margaret Murray fin-Naxxar, bejn Alfa Romeo Giulietta misjuqa minn raġel ta’ 36 sena mill-Mosta u trakk DAF misjuq minn raġel ta’ 55 sena mill-Fgura.
It-tifla ta’ sitt snin, flimkien ma’ żewġ nisa ta’ 26 u 27 sena – ilkoll mill-Belarus – li kienu passiġġieri fl-Alfa Romeo, ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza wara li ġew assistiti fuq il-post minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku. Huma lkoll qed isofru minn ġrieħi gravi.
Iktar tard, it-tifla ta’ sitt snin u l-mara ta’ 27 sena ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara l-oħra ta’ 26 sena għadha mhijiex magħrufa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D. Clarke , li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.