Fil-Qorti bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-qtil seħħ fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 fil-limiti tal-Bidnija. L-Ispettur Keith Arnaud xehed għal madwar tliet sigħat quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello u ta rendikont dettalja ta’ kif il-pulizija wasslet għall-allegati eżekutturi fid-delitt bl-għajnuna tal-FBI u l-Europol. Xehed li l-invesitgazzjonijiet tal-pulizija ssoktaw wara li ġew arerstati l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat. Qal li minn telefonati li saru fil-ħabs, ħareġ li ħu l-aħwa Degiorgio, Mario, kien f’kuntatt ma’ Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil.
L-Ispettur xehed li s-suspetti fuq Theumu komplew jikbru wara li daħlet informazzjoni kunfidenzjali għand il-pulizija li Theuma kien il-middleman u għadda s-somma ta’ €150,00.
L-Ispettur Arnaud xehed li Thuema ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru. Kien hawn lil qalilhom li għandu kaxxa li ried jiftaħha fil-preżenza tal-pulizija. Fiha nstabu tliet mobile phones, tliet USB’s, voice recorder u pakketti tal-karti u ritratti ta’ mobile phone b’għadd ta’ messaġġi fuqhom. Il-kuntatt tal-mobile kien ta’ Yorgen Fenech. L-ispettur żied jixhed li l-kontenut għadda lill-Europol.
Xehed li Theuma beda jibki ħafna u ried jitkellem dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Qal li jumejn wara l-arrest, hu flimkien mal-Ispettur Keith Zahra kellmuh dwar il-qtil. Dan wara li l-Prim Ministru qabel mar-rakkomadazzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija li Thuema jingħata l-proklama bil-kundizzjoni li jikxef kollox mill-a saż-ż biex jinstab il-mandant.
Żied jgħid li qatt u qatt ma ssemma’ isem ieħor ħlief dak ta’ Yorgen Fenech. Qal li darba minnhom Theuma kien rrabjat għal Fenech u semma lill-ex chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħala sieħeb ta’ Fenech. Żied li l-pulizija għadha qed tinvestiga l-oġġetti fil-kaxxa u qal li hemm tliet aġġeġġi bir-recordings.
Xehed li f’kull recording, Theuma jinstema’ ddisprat għax ried li l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail. Qal li ċertu Kenneth Camillieri tah l-impressjoni li dan kien se jingħatalhom f’Mejju. Xi ħaġa li ma ġratx. Xehed li Fenech qal li kien se jkellem lil Keith Schembri biex jara x’kien għaddej.
L-Ispettur xehed li f’recording minnhom Fenech qal li ma seta’ jagħmel xejn. Dan meta Theuma talbu jkellem lill-Imħallef Mizzi, iżda Fenech irrifjuta li jagħmel dan u qallu: xi tridni ngħidlu li qtilha jien. Huwa żied jgħid li lanqas biss kien jafu u li ma seta’ jgħamillu xejn.
Theuma ssuġġerielu wkoll ikellem lill-Prim Minsitru direttament, iżda Fenech irrifjuta wkoll li jagħmel dan għax qallu li l-problema tkompli tikber. Fil-fatt huwa qallu: L-ikbar ġennata li qatt nista’ nagħmel…. iddaħħalx aktar nies fil-kredu għax il-kobba tkompli titħabbel.
L-ispettur Arnaud qal li f’recording ieħor, Fenech semma ismu u isem l-ex assistent Kummissarju Silvio Valletta. Xehed li Fenech qal lil Melvin Theuma b’laqgħa li saret f’Kastilja fil-preżenza tal-Ministru Owen Bonnici u informazzjoni li ħarġet minnha.
Xehed li kien hemm bosta konverzazzjonijiet dwar il-bail. Huwa żied jgħid li Fenech qal lil Theuma li Schembri kesaħ meta qallu x’għamel u qalu li messu infurmah qabel.
Żied jingħad li Fenech qal lil Melvin Thuema li Keith Schembri ċaħad li kien bagħat lil ċertu Kenneth biex iwiegħed il-bail lill-aħwa Degiorgio. Hawn Fenech jinstema’ jgħid lil Melvin li Keith lanqas irranġa l-kawżi tiegħu aħseb u ara kemm kien se jirranġa l-bail ta’ tlett allegati eżekuturi tad-delitt. Hawn Fenech jinstema’ jgħid li Keith Schemrbi ma jistax jagħmel affarijiet hekk.
L-Ispettur xehed ukoll li l-Pulizija tkellmet darbtejn ma’ Fenech qabel ma’ Theuma ngħata l-proklama. Huwa żied jgħid li l-avukati ta’ Fenech talbu l-proklama għall-akkużat wara li ngħataw aċċess sħiħ tal-evidenza kontrih. Huwa żied li l-Pulizija għadha tinvesitga l-allegazzjonijiet ta’ Fenech u l-investigazzjoni ħadet żvolt’oħra wara tkellmet mal-akkużat b’mod informali.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża biex f’dan l-istadju jinstemgħu r-recordings li saret referenza għalihom.
Fis-seduta xehed ukoll Melvin Thuema li stqarr li kien vera li Kenneth bagħtu Keith Schembri. Dan għax Yorgen Fenech qallu li Schembri kien jidhol fin-nar għalih.
Theuma żied jixhed li bil-ġurament ma setax jgħid li Keith Schembri kien involut għax qatt ma għaddielu flus jew kellmu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u sostna li l-mandat huwa Yorgen Fenech għax kien hu li qabbdu.