Tabib tal-emerġenza li nzerta kien fuq bajja f’Buġibba, ta l-ewwel għajnuna lil Rumen ta’ 19-il sena li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum.
Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tas-sitta, f’bajja li hemm viċin Triq Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar meta l-ġuvni ttella’ l-art minn sħabu wara li sab diffikulta waqt li kien qed jgħum għexieren ta’ metri ‘l barra.
Inzerta li fil-post fejn ittela’ l-ġuvni kien hemm it-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri li għalkemm kien waqt avveniment privat mal-familja tiegħu telaq kollox minn idejh u beda jagħti l-ewwel għajnuna lir-raġel. Ftit tas-sekondi wara waslu wkoll membri tal-Malta Red Cross li kienu għadhom kif spiċċaw ġurnata xogħol f’bajja viċin fejn seħħ l-inċident. Dawn flimkien mat-tabib komplew jassistu lir-raġel sakemm waslet ambulanza.
Ir-raġel ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza b’infermier għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Claire Stafrace Żammit li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.