30 Uffiċjali ta’ Pulizija mit-Taqsima tat-traffiku mistennija jitressqu l-Qorti u jiġu mixlija li abbużaw mis-sahra, dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet għaddejja bl-arresti ta’ uffiċjali mis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Korp b’rabta ma’ dan l-allegat abbuż.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri kkonferma li ġew arestatati għadd ta’ uffiċjali. Huwa wieġeb. “Hemm l-investigazzjonijiet tal-pulizija għaddejjin – il-korp anke ħareġ stqarrija ftit tal-ħin ilu u mbagħad se jkun il-korp li jikkonferma anke dan wara li jintemmu l-invesitgazzjoni.”
Huwa kkonferma wkoll li l-Pulizija ħejjiet pjan biex fin-nuqqas ta’ dawn l-uffiċjali, l-inforzar tal-liġi fit-toroq jibqa’ għaddej b’mod normali. Il-Ministru Camilleri sostna: “Hemm pjan ta’ kontinġenza li ħadu l-korp tal-Pulizija u meta kienu aware għax kienu qegħdin jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet u anke allura se jkun hemm pulizija biżżejjed biex fl-eventwali li jkun hemm xi pulizija neqsin mill-post tax-xogħol tagħhom fil-jiem li ġejjin ikun hemm pulizija oħrajn li jkunu qegħdin jagħmlu d-dover tagħhom.”
Il-Pulizija tenniet li l-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ għadhom għaddejjin u assigurat li se tieħu kull miżura skont il-liġi dwar il-każ.
Il-Korp talab ukoll biex kull min għandu xi informazzjoni b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet jikkuntattjah anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numru 22942201 jew fuq l-email internalaffairs.police@gov.mt