Żvediż ta’ 32 sena qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ fis-7:15 tas-Sibt filgħaxija fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li seħħet ħabta bejn mutur Yamaha, misjuq mill-Iżvediż li jgħix Wied il-Għajn, u Toyota Vitz, misjuqa minn raġel ta’ 38 sena li jgħix Ħaż-Żabbar.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Fuq il-post assistew ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.