Raġel ta’ 32 sena ġie arrestat wara li allegtament darab raġel ta’ 35 sena miż-Żurrieq b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta.
Ir-raġel ta’ 35 sena jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dan wara li għall-ħabta tal-10:30 tal-bieraħ filgħaxija seħħ argument bejn iż-żewġt irġiel, fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna ta’ tim mediku, li aktar tard ħa lir-raġel l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.