Tfajla ta’ 19-il sena mill-Qrendi tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Marsa l-Ħamis filgħodu.
L-inċident traġiku li ħasad ħajjet Elenia Briffa seħħ għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħodu fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa, meta t-tfajla li taħdem bħala pustiera tilfet il-kontroll tal-vettura tal-għamla Paxter li kienet qed issuq. Il-vettura nqalbet bil-konsegwenza li t-tfajla spiċċat maqbuda taħtha.
L-inċident seħħ propju ftit metri ‘l isfel mill-kwartieri tal-Malta Post.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iżda sfortunatament aktar tard, il-Pulizija kienet infurmata mill-awtoritajiet tal-isptar li t-tfajla tilfet ħajjitha.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farruġia Frendo li qiegħda tmexxi inkjesta, mgħejjuna minn diversi esperti li ħatret.
Intant fi stqarrija l-kumpanija Malta Post sellmet il-memorja ta’ waħda mill-ħaddiema tagħha u esprimiet id-dieqa għall-mewt ta’ Briffa.
B’reazzjoni għal dan l-inċident il-midja soċjali wkoll mtliet b’għexieren ta’ messaġġi jesprimu dispjaċir għal Elenia Briffa li ħajjitha ntemmet f’qasir il-għomor waqt li kienet qed taqdi dmirijieta ta’ pustiera.
Fost dawn spikka l-messaġġ ta’ Maria Scerri, li qalet kif din kienet l-agħar ġurnata ta’ ħajjitha għax tilfet anġlu sabiħ minn ħajitha.
“Inwiegħdek li postok f’qalbi ma joħodulek ħadd u naf li int ukoll. Issa qiegħda tieħu ħsiebi minn hemm fuq. Inħobbok anġlu tiegħi.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/07/issa-qieghda-tiehu-hsiebi-minn-hemm-fuq-il-habiba-tal-pustiera-li-mietet/