Helmut Georg Heimerdinger, Ġermaniż ta’ sitta u sebħgin sena weħel multa ta’ €14,211.45 u multa addizzjonali ta’ ħamsin ewro, wara li nqabad b’€35,839 meta kien se jaqbad titjijra lejn Frankfurt.
Il-Ġermaniż wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Maġistrat Doreen Clarke qalet lill-imputat biex iħallas il-multi f’temp ta’ xahar. Ir-raġel inqabad b’dawn il-flus wara li l-kelb tad-Dwana bl-isem ta’ Charlie immarka li l-bagalja tar-raġel li seta’ kien fiha ammont sostanzjali ta’ flus. Kien hawn li l-uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fl-ajruport fetħu l-bagalja tar-raġel u ġo fiha sabu ammont ta’ flus kontanti flimkien ma’ ċekk ta’ €12,000. L-ebda minn dawn il-flus ma kienu ddikjarati.