Il-pajjiżi l-aktar milquta mill-Coronavirus qed jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lil dan il-virus qattiel hekk kif in-numru ta’ każijiet globalment qabżu t-80,000.
L-Italja jibqa’ l-pajjiż fl-Ewropa bl-akbar numru ta’ każijiet – aktar minn mitejn u għoxrin, u sebat imwiet – u ħabbar serje ta’ miżuri drastiċi biex jipprova jikkontrolla t-tifqiegħa.
Skont il-ġurnal Taljan, La Repubblica, feġġ l-ewwel każ ta’ Coronavirus fi Sqallija, ta’ mara minn Bergamo, li tinsab Palermo fuq btala.
Fil-Korea ta’ Isfel faqqgħu 60 każ ġdid biex in-numru tela’ għal kważi 900.
L-Amerikani qed iwissu kontra kull vjaġġar lejn dan il-pajjiż.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li kull pajjiż għandu jaħdem iżjed biex jipprepara għall-possibilità ta’ pandemija – sitwazzjoni fejn l-infezzjoni tinfired b’mod faċli ħafna bejn il-persuni f’pajjiżi differenti.
Qalet li għadu kmieni biex it-tifqiegħa tiġi msejħa pandemija, iżda l-pajjiżi għandhom ikunu preparati għal din l-eventwalità.
Il-Coronavirus hwua maħsub li beda minn ġo suq fil-belt ta’ Wuhan fiċ-Ċina fejn kienu qed jinbiegħu annimali selvaġġi.