Il-Gvern jagħmel referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar it-12 ta’ Marzu, 2020 li fiha tħabbar li l-iskejjel, childcare centres, kif ukoll l-istituzzjonijiet edukattivi kollha kienu se jagħlqu temporanjament b’effett mill-għada 13 ta’ Marzu 2020 sal-Ġimgħa 20 ta’ Marzu, 2020 bħala miżura ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-COVID-19.
Dakinhar kien intqal ukoll li l-Gvern kien se jagħmel pronunzjamenti oħra f’din il-ġimgħa li qegħdin fiha dwar jekk il-perjodu tal-għeluq tal-iskejjel għandux jiġi estiż.
Il-Gvern għalhekk iħabbar li, wara konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa, l-perjodu ta’ għeluq tal-iskejjel, childcare centres, kif ukoll l-istituzzjonijiet edukattivi kollha se jiġi estiż.
Il-Gvern qed jara li din l-estensjoni tkun sad-data tat-tmiem tal-vaganzi skolastiċi tal-Għid. Il-perjodu tal-vaganzi skolastici tal-Għid jintemm nhar il-Ġimgħa 17 ta’ April, 2020.
Il-Gvern qed jirriżerva li, eqreb lejn id-data tas-17 ta’ April 2020 isiru pronunzjamenti ulterjuri wara konsultazzjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/03/18/ghalissa-l-ezamijiet-tal-matsec-se-jsiru-kif-skedat/