Mill-awtopsja irriżulta li Eleanor Mangion Walker kellha numru ta’ daqqiet fuq rasha minn impatt jew attakk fiżiku li wassal għall-mewt tagħha. Madanakollu għadu mhux magħruf kif il-mara sofriet dawn il-ġrieħi.
Il-pulizija qed tfittex raġel li jista’ jgħinha fl-investigazzjonijiet ta’ dak li qed ikun imsejjaħ omiċidju.
Il-Pulizija qed titratta dan il-każ bl-ikbar sensittività minħabba l-eta’ tat-tifla.
Aktar Kmieni
Sorsi viċin il-korp tal-Pulizija ikkonfermaw li l-mara hija Eleanor Mangion Walker ta’ 33 sena mis-Swieqi; omm ta’ tifla ta’ disa’ snin. Is-suspettat ewlieni li qed ikun imfittex mill-Pulizija huwa r-raġel li kienet qed tissepara minn miegħu, Andrew Mangion, ta’ 40 sena.
Is-suspettat ewlieni, Andrew Mangion.
Il-mara nstabet mejta f’maħżen ġewwa Ħal Qormi, il-Ħadd filgħaxija fejn minnufih bdew l-investigazzjonijiet, bil-ħatra ta’ maġistrat inkwirenti fost oħrajn.
Kienu l-Pulizija mir-Rapid Interverntion Unit flimkien ma’ dawk tat-Traffiku u tad-Distrett li marru l-ewwel fuq il-post fejn bl-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew jinfetħu l-imħażen li hemm fi Triq il-Kummerċ. Dan għax it-tagħrif anonimu kien li persuna tinsab mejta f’wieħed mill-imħażen f’din it-triq.