Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin appella biex qabel ma ċittadini Maltin isiefru minn u lejn it-Turkija, jivverifikaw u jikkonfermaw it-titjira tagħhom mal-linja tal-ajru jew l-operatur tal-ivvjaġġar.
Wissa wkoll biex il-passiġġieri jaħsbu kmieni ħalli jmorru l-ajruport fid-dawl ta’ miżuri ġodda ta’ sigurtà li qed jieħdu iżjed fit-tul. Is-sitwazzjoni fit-Turkija jidher li qed tikkalma xi ftit wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Titjiriet minn u lejn ajruporti fit-Turkija qed jirritornaw lura għan-normal, għalkemm hemm linji tal-ajru li għadhom mhux joperaw lejn l-ajruport f’Istanbul. Għal dawk li jinsabu fit-Turkija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin appella biex isegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet u jibqgħu infurmati dwar l-iżviluppi minn mezzi ta’ midja lokali.
Dawn f’Ankara u f’Istanbul huma mħeġġa jevitaw postijiet pubbliċi u jibqgħu viġilanti. Iċ-ċentru ta’ kriżi ta’ Malta huwa miftuħ għall-Maltin li jinsabu fit-Turkija u li jistgħu jagħmlu kuntatt fuq in-numri 21242191, 80072203 jew 22042200.