Numru ta’ persuni, li qed jiffaċċjaw akkużi fil-kawża b’rabta mal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, tpoġġew taħt att ta’ akkuża, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, filwaqt li twaqqgħet kull akkuża fil-konfront tal-kumpanija Sciacca Grill Limited.
Dan hekk kif f’awla tnejn u għoxrin tal-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ numru ta’ persuni akkużati mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li damet erba’ snin u nofs biex tlestiet.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien fost dawk li ma kkontestawx il-prima facie, bil-Maġistrat Montebello tqegħdhom taħt att ta’ akkuża.
Fost dawk li kkontestaw il-prima facie kien hemm Sciacca Grill u l-Maġistrat ħelset lil din il-kumpanija, minħabba li mhemmx biżżejjed provi biex din titpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Dwar din il-kumpanija, il-Prosekuzzjoni hawnhekk qalet li mbilli Keith Schembri ma kienx baqa’ direttur tal-kumpanija, xorta jaf kellu l-kontroll tal-kumpanija.
Minkejja dan, l-Avukat tal-kumpanija, Dr Franco Debono, qal li allaħares il-Qorti tniżżel l-istadju tal-prima facie f’dan il-livell, b’dan juri li l-Prosekuzzjoni turi li mhemmx evidenza.
Fost is-sottomissjonijiet li saru, l-Avukat Chris Cilia sostna li l-esperti f’din l-inkjesta li tħallsu ħdax-il miljun ewro, ħolqu narrattiva. Hawnhekk semma lil Dr Josie Muscat, b’dan issemma f’din l-inkjesta, iżda qatt ma bagħtu għalih u f’dan il-każ quddiem il-Maġistrat Montebello, bagħtu għalih u jumejn wara xehed, fejn intqalu affarijiet differenti minn kif ħareġ fl-inkjesta.
Jirriżulta li l-proġett ta’ Cyclotron fl-inkjesta ntqal li kien ippjanat biex isir fl-2015, mal-konċessjoni tal-isptarijiet u l-idea għall-ewwel proġett ta’ din ix-xorti kien fl-2008, kif ħareġ mix-xhieda ta’ Dr Josie Muscat, f’seduta preċedenti.
L-Avukat Arthur Azzopardi sostna kif hemm verżjonijiet differenti mill-esperti mqabbdin fl-inkjesta tal-Maġistrat Vella u kif, skont waħda mill-esperti, intqal li l-eżistenza ta’ Technoline hi illegali, waqt li espert ieħor, f’din l-istess inkjesta, qal li l-kumpanija għamlet ħlas lil kumpanija oħra.
L-Avukat Cilia kompla li, b’digriet li kienet tat l-istess Qorti, fejn m’għandu jsir l-ebda kumment dwar dan il-każ, iżda nnota kif dan qed isir minn terzi fuq il-midja soċjali. Hawnhekk semma lill-Avukat u l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li ddikjara li r-rappreżentant tal-Malta Enterprise kien gideb taħt ġurament.
L-Avukat Cilia argumenta kif din il-persuna terza tista’ titkellem kif trid, waqt li huma ma jistgħux iwieġbu għal min ifajjar u jigdeb fil-konfront tagħhom.
Dwar dan il-każ, il-Maġistrat Montebello talbet lill-Avukat Cilia biex iressaq rikors. Il-kawża se tissokta nhar l-ewwel t’Awwissu li ġej.
——————————————————————————————————————————
Ara x’seħħ pass pass f’Awla 22 tal-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello:
13:09 – Il-Maġistrat tiddeferixxi dan il-każ għall-1 ta’ Awwissu fl-10am u l-Maġistrat toħroġ ’il barra mill-awla.
13:05 – Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li l-Qorti hi tal-fehmat li jiġu ppreżentati numru ta’ dokumenti fosthom statements ta’ kontijiet bankarji f’isem il-kumpaniji, għajr dak ta’ Sciacca Grill. Tordna wkoll li l-imputati kollha jitqiegħdu taħt att ta’ akkużi, inklużi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, wara li dawn ma kkontestawx l-prima facie.
Bil-maqlub, fil-każ ta’ Sciacca Grill Ltd, il-Maġistrat ħelset lill-kumpanija, minħabba li mhemmx biżżejjed provi biex din titpoġġa taħt att ta’ akkuża.
13:04 – Il-Maġistrat Rachel Montebello tidħol fl-awla u tkompli l-kawża.
12:02 – Il-Maġistrat Rachel Montebello tgħid li se tagħti d-digriet tagħha dwar is-sottomissjonijiet li saru dwar il-prima facie madwar tliet kwarti oħra. Il-Maġistrat toħroġ ’il barra mill-awla u s-seduta għalissa hi sospiża.
11:55 – L-Avukat Arthur Azzopardi sostna kif hemm verżjonijiet differenti mill-esperti fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. Qal li skont waħda mill-esperti ntqal li l-esistenza ta’ Technoline hi llegali, waqt li espert ieħor, f’din l-istess inkjesta, qal li l-kumpanija għamlet ħlas lill-kumpanija oħra.
11:48 – Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-prima facie, l-Avukat Arthur Azzopardi qal li Gateway Solutions Ltd inħolqot qabel l-elezzjoni tal-2013 u ferm qabel saret il-konċessjoni tal-isptarijiet.
11:43 – Il-Qorti permezz tal-Maġistrat Rachel Montebello qalet li għandhom iressqu talba quddiem il-Qorti biex iħalsu għad-difiża f’dawn il-proċeduri. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jerġa’ jassisti lit-tliet kumpaniji, li dalgħodu rrikuża ruħu minnhom dalgħodu.
Wara din id-deċiżjoni, l-Avukat Arthur Azzopardi rringrazzja lill-Qorti ta’ din id-deċiżjoni biex jitħallas ta’ xogħlu.
11:38 – Hawnhekk il-Maġistrat Montebello bdiet tisma’ s-sottomissjonijiet tal-Avukat Azzopardi dwar ir-riskors. Intqal kif żewġ kumpaniji m’għandhomx flus biex iħalsuh għas-servizzi tiegħu minħabba l-ordni ta’ ffrizar. Intqal kif l-Avukat għandu jagħmel żewġ rikorsi fil-konfront tal-kumpaniji.
11:34 – Il-Prosekuzzjoni dwar ir-rikors li tressaq dalgħodu qal li l-Avukat Azzopardi għandu jiċċara jekk għadux avukat ta’ din il-kumpanija. Intqal li l-Prosekuzzjoni se tħalli f’idejn il-Qorti għal din id-deċiżjoni minħabba s-sensittivita fil-każ.
11:22 – L-Avukat Jason Grima li qed jippreżenta lil Jonathan Vella, fejn fost oħrajn innota li huwa accounts clerk ma’ Christopher Spiteri, fejn din ma ħarġet imkien fl-inkjesta Vella. Intqal li fil-midja kien hemm numru ta’ karigi li ntqal li kellu u ma kienx veru. Intqal ukoll li hu kien segretarju tal-kumpanija Bluestone, kif imqabbad minn Spiteri u b’dan ix-xogħol kien jagħmlu bla ħlas.
L-Avukat spjega wkoll kif lil Jonathan Vella ħadd ma bagħat għalih: la l-Pulizija, la l-Maġistrat Gabriella Vella li mexxiet l-inkjesta u lanqas l-esperti tal-inkjesta tal-Maġistrat Vella. Intqal kif l-akkużat ma ntalabx biex jaraw il-kont bankarju tiegħu, b’dan kull ma jaqla’ s-salarju tiegħu u hemmhekk m’hemm l-ebda €30 miljun kif ħareġ mir-rikavat.
Intqal kif Vella għamel segretarju ta’ din il-kumpanija sal-2016 u warajh ħadlu postu Rum Tumuluri. L-Avukat fis-sottomissjonijiet tiegħu ntqal kif Jonathan Vella ma kellux aċċess għall-kontijiet diretti ta’ Bluestone – la seta’ jarah u lanqas jużah.
11:18 – Il-Maġistrat Montebello ssaqsi lill-Prosekuzzjoni dwar jekk ħaditx deċiżjoni fuq ir-rikors tal-kumpanija Technoline, iżda ntqal sabiex jingħataw ftit aktar ħin biex jieħdu deċiżjoni.
11:11 – Fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-Avukat Azzopardi nnota kif Brian Bondin jissemma biss fil-konkluzzjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella fejn intqal li hemm potenzjal frodi. Jintqal li l-istess esperti qalu li m’għandhomx id-data finanzjarja kollha biex saret din l-inkjesta. Intqal li fl-inkjesta jissemma ammont ta’ flus u ntqal li dan huwa fuq kumpanija oħra.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-Avukat Arthur Azzopardi qal li l-avukati difensuri ngħataw kopja tal-inkjesta Vella mingħajr il-funzjoni tas-search biex isibu l-affarijiet minn din l-inkjesta.
11:02 – Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, l-Avukat Arthur Azzopardi qam jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu f’isem Brian Bondin.
10:56 – Il-Maġistrat Montebello għaliex l-Avukat Azzopardi għamlet rikors f’isem Technoline u issa qed jirrinunzja bħala Avukat difensur tar-rapprezentant Ivan Vassallo. Bil-Maġistrat Montebello tgħid li l-Qorti hi dispjaċuta b’dak li ġara.
L-Avukat Azzopardi jgħid li qed jirrinunzja bħala avukat minħabba li ma jistax jitħallas, hekk kif il-flus ġew iffrizati bħala parti mill-Inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Qorti rat ir-rikors li sar mill-kumpanija Technoline dalgħodu, fejn talab sabiex tirrevoka d-deċiżjoni tagħha u jitħallas ta’ xogħlu. Bil-Maġistrat Rachel Montebello tgħid li dan ir-rikors għandu jingħadda lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li huwa parti mill-Prosekuzzjoni.
10:55 – Tidħol mill-ġdid il-Maġistrat Rachel Montebello u tkompli s-seduta.
10:29 – Il-Maġistrat Rachel Montebello tissospendi l-kawża għal ftit minuti sakemm l-Avukat Azzopardi jitkellem mal-eks klijent tiegħu.
10:28 – L-Avukat Arthur Azzopardi jqum biex jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu għal Brian Bondin, iżda twaqqaf mill-Maġistrat Rachel Montebello. Hawnhekk hi ċanfret lil Avukat għaliex ma avzax lill-klijent tiegħu Ivan Vassallo li mhux se jibqa’ jippreżenta t-tliet kumpaniji.
L-Avukat Arthur Azzopardi jgħid li r-rikors quddiem il-Qorti, daħlu dalgħodu. Il-Maġistrat Montebello tgħidlu li din mhux etika professjonali.
10:16 – L-Avukat Chris Cilia li qed jippreżenta lil MTRace qal li l-esperti f’din l-inkjesta li damet erba’ snin u nofs u tħallsu €11-il miljun, ħolqu narrativa. Hawnhekk semma lil Dr Josie Muscat, li ssemma f’din l-inkjesta, iżda qatt ma bagħtu għalih u f’dan il-każ, bagħtu għalih u jumejn wara xehed, fejn inqatlu affarijiet differenti minn kif ħareġ fl-inkjesta.
Intqal li jirriżulta li l-proġett ta’ Cyclotron fl-inkjesta ntqal li kien pjanat li jsir fl-2015, mal-konċessjoni tal-isptarijiet u l-idea għall-ewwel proġett ta’ din ix-xorti kien fl-2008, kif ħareġ mix-xhieda ta’ Dr Josie Muscat.
L-Avukat Cilia jgħid li l-esperti mqabdin mill-Maġistrat Gabriella Vella kellhom mottiv ulterjuri.
10:13 – “Allaħares inniżlu l-istadju tal-prima facie f’dan il-livell” – sostna l-Avukat Franco Debono. Intqal li b’dak li qalet il-Prosekuzzjoni juri li m’hemmx evidenza.
10:09 – Il-Prosekuzzjoni qed tagħmel l-argumenti tagħha dwar Sciacca Grill, fejn intqal li kienet fil-kontroll ta’ Keith Schembri u kellha l-isem ta’ Kasco Foods. Intqal li l-kumpaniji fosthom Sciacca, kienu qed jieħdu perċentaġġ ta’ flus li ġejjin mill-konċessjoni. Intqal li din hi xi ħaġa li ħarġet mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Prosekuzzjoni qalet li mbilli Schembri ma kienx direttur tal-kumpanija, xorta jkollu l-kontroll tal-kumpanija. Intqal li dan ħareġ mill-konklużjoni tal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella.
10:03 – L-Avukat Veronique Dalli, li qed tippreżenta l-kumpanija Taumac, sostniet li fl-istadju ta’ prima facie, il-Prosekuzzjoni trid tippreżenta l-evidenza.
09:56 – L-Avukat difensur Chris Cilia qal li b’digriet li kienet tat il-Qorti, ma jsirx l-ebda kumment dwar dan il-każ. Innota, iżda, kif dan qed isir minn terzi fuq il-midja soċjali. Intqal li fuq il-midja soċjali, l-Avukat u l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien qal li r-rappreżentant ta’ Malta Enterprise li gideb taħt ġurament. Argumenta kif din il-persuna terza tista’ titkellem kif trid, waqt li huma ma jistgħux iwieġbu talli gideb fil-konfront tagħhom. Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet lill-Avukat biex jagħmel rikors.
09:52 – L-Avukat Arthur Azzopardi qal li hu mhux se jibqa’ jippreżenta lil tliet kumpaniji: Technoline, Gateway u Eurybates. Bir-rapprezentant ta’ din il-kumpanija Ivan Vassallo jgħid li hu sorpriz b’din l-aħbar.
Huwa ġie mistoqsi mill-Qorti jekk għandu mezzi finanzjarji biex iqabbad avukat, iżda qal li m’għandux. B’hekk il-Qorti appuntat l-Avukat tal-Għajnuna Legali sabiex jirrappreżentah.
09:50 – Tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello u tibda s-seduta.
09:48 – Fl-awla, bħal kull seduta oħra hawn ammont kbir ta’ avukati u anki ġurnalisti. Quddiem il-bank tal-Maġistrat, m’hawn l-ebda kaxxa ta’ evidenza li ħarġet mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. Infakkarkom li fl-ewwel seduta f’dan il-każ, fit-28 ta’ Mejju li għadda, fl-Awla 22 kien hawn 78 kaxxa b’evidenza li ħarġet mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella.
AKTAR QABEL:
Ninsabu f’awla 22 tal-Qorti, hekk kif dalgħodu għall-ħabta tad-9:30am mistenni jkompli l-każ b’rabta mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Inkjesta li damet erba’ snin u nofs biex tlestiet u ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dakinhar li fetħu n-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda.
Dan il-każ qed jinstema quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.