Fil-Qorti ħarġu messaġġi li juru lil Yorgen Fenech jipprova jibbukkja titjira privata b’mod urġenti lejn Nizza ġurnata qabel ġie arrestat.
Dan ħareġ waqt is-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech.
Id-deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia ikkwota numru ta’ messaġġi li ġew mibgħuta bejn iz-ziju tal-akkużat, ħuh u Yorgen Fenech innifsu, sabiex juri kif jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, il-biża’ li dan jipprova jaħrab mill-pajjiż għadha reali.
Galea Farrugia qal biex id-difiża tieqaf tipprova tgħid li huwa kien sejjer jagħmel manutenzjoni skedat tad-dgħajsa fi Sqallija.
Dan filwaqt li nsista li l-pjan kien li Fenech jitla’ Pozzallo u minn hemmhekk jaqbad trakk għal Nizza.
Hemmhekk kellha tinġieb karozza oħra biex jaħrab mingħajr ma jħalli traċċa warajh.
Id-Deputat Avukat Ġenerali kompla jżid kif Fenech għamel tentattiv b’messaġġ lil pilota tal-‘Falcon jets, sabiex jibbukja titjira urġenti.
Fil-Qorti huwa kompla jikkwota u juri kif lejlet ġie arrestat Fenech, huwa rċieva messaġġ mingħand zijuh Ray Fenech b’link għal żewġ artikli.
Wieħed minnhom kien dwar l-arrest ta’ Melvin Theuma u l-probabilità li dan jingħata l-maħfra presidenzjali.
Zijuh staqsieh ukoll jekk kienx kellem lil dak li rrefera għalih bħala ‘K’.
Huwa wieġeb fl-affermattiv u qallu biex jibqa’ kalm u serraħlu moħħu li ma kien ser jiġri xejn.
Zijuh kien qallu wkoll biex ma jafda lil ħadd.
Id-difiża argumentat li dan il-każ qed ikun politiċizzat u li ma hemm l-ebda raġuni għaliex wara sbatax-il xahar huwa ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.
Madankollu fid-digriet mogħti mill-Maġistrat Rachel Montebello, il-Qorti rat kif għad hemm biża’ ta’ intralċ tal-provi minħabba l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, kif ukoll il-biża li l-akkużat jaħrab mill-pajjiż.
Fl-istess seduta kompliet ix-xhieda wkoll tal-middleman fil-qtil, Melvin Theuma, li xehed dwar recording ieħor ta’ diskursata bejnu u bejn Johann Cremona, li kien jaħdem ma’ Yorgen Fenech.
Fost l-oħrajn qal kif huwa kemm il-darba kien ser imur jikxef kollox dwar id-delitt mal-pulizija iżda qatt ma għamel dan.
Aġġornament bil-ħin
16:11 – Il-kawża ser tkompli tinstema’ t-Tlieta 25 ta’ Mejju fl-10.00 ta’ filgħodu.
16:04 – Id-difiża għamlet referenza għar-rikors tagħha għall-Ħelsien mill-Arrest u qalet li kienet tistenna li ssir referenza kostituzzjonali wara li l-Qorti rat l-oġġezzjoni tal-avukat ġenerali abbażi li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Issa f’dan l-istadju qalet li ser tkun qed tirregola ruħha skond il-każ wara li d-difiża stenniet li l-Qorti tiddeċiedi dwar it-talba għal referenza kostituzzjonali mitlub minnha qabel jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti madankollu nnotat li dan ma kienx dak li semmiet id-difiża fis-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-Qorti.
Hawnhekk wara d-digriet id-difiża talbet li fis-seduta li jmiss ma jkomplix jinstema’ Melvin Theuma iżda jinstemgħu xhieda li dwarhom ikun hemm biża tal-intralċ tal-provi meta tiġi biex tkun deċiża talba għall-ħelsien tal-akkużat.
15:52 – Il-Qorti nnotat kif trid tkun sodisfatta li ma teżisti l-ebda biża’ skond il-liġi li ma tħallix l-għotja tal-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ma qablitx mad-difiża li għax ikun għadda żmien l-investigazzjonijiet li jkunu għadhom għaddejjin ma jżommux milli jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Qalet ukoll kif il-Qorti għadha tqis li għad hemm il-biża’ tal-intralċ tal-provi f’dan l-istadju. Il-Qorti nnotat ukoll kif l-inkjesta dwar l-‘in genere’ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wkoll għadha għaddejja. Il-Qorti qalet ukoll li hemm ukoll l-interess pubbliku li jġib bilanċ mad-drittijiet tal-imputat.
Il-Qorti qalet ukoll kif għad hemm persuni oħra li għadhom qed ikunu investigati u għalhekk l-biża’ ta’ intralċ tal-provi għadha reali ħafna.
Il-Qorti rat ukoll li din il-biża’ ma tistax titnaqqas b’xi kundizzjoni li tista’ timponi l-Qorti jekk tagħti l-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti rat ukoll li l-akkużat huwa meqjus li għandu biżżejjed assi u kuntatti barra minn xtutna li jkabbru l-biża’ tal-ħarba. Il-Qorti għalhekk ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
15:40 – Il-Maġistrat daħlet lura fl-awla u ser tagħti d-digriet.
14:52 – Is-seduta ġiet sospiża u l-Maġistrat Rachel Montebello ħarġet mill-awla.
14:48 – Id-deputat Avukat Ġenerali qal kif hemm evidenza ta’ flejjes li għaddew fuq l-idejn anke barra minn xtutna u li l-ammonti huma kbar ħafna. Qal kif Yorgen Fenech stess ukoll semma persuni oħra u għalhekk żgur ma jistax jingħad li l-investigazzjonijiet dwaru huma mitmuma.
Stqarr kif f’dan l-istadju l-ikbar biża hija dik tal-ħarba mill-pajjiż u li għalhekk m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest skond il-liġi.
Id-difiża qalet kif il-prosekuzzjoni għamlet ħafna asserzjonijiet. Qal kif madankollu ma nstemax dettalji dwar fejn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u fejn hemm il-biża tal-intralċ tal-provi.
Dwar id-dikjarazzjoni li għamel id-deputat avukat ġenerali meta qal li Yorgen Fenech semma persuni oħra d-difiża qalet li dan tkellem sbatax-il xahar ilu u l-pulizija kellha biżżejjed żmien biex taġixxi fuq dak li qal. Qalet kif illum ma tistax tintuża informazzjoni li ta hu stess biex tiġi mċaħħda lilu l-ħelsien mill-arrest.
14:34 – Id-difiża qalet li l-arresti ġodda relatati mal-każ saru wara li ammetta Vincent Muscat il-Koħħu u beda jikxef hu. Qalet illi kieku Yorgen Fenech kien ingħata l-ħelsien mill-arrest qabel, huwa xorta ma seta’ jagħmel xejn biex dawn l-arresti ma jsirux u għalhekk biex jinterfjeri fl-investigazzjonijiet. Il-messaġġ prinċipali tad-difiża qed ikun li l-investigazzjonijiet relatati mal-każ ġew fi tmiemhom u li huwa dritt tal-akkużat li filwaqt li għadu preżunt innoċenti issa jingħata l-ħelsien mill-arrest. Id-difiża elenkat numru ta’ akkużati b’isimhom li minn meta tressaq Fenech, tressqu huma wkoll b’akkużi simili u li wkoll ingħataw il-ħelsien mill-arrest.
Is-Supretendent Kieth Arnaud qal kif filwaqt li d-difiża għamlet referenza għal dak li qal il-Kummissarju u li mill-provi li l-puliizja għandha sal-lum in-nies involuti tressqu kollha l-Qorti, Arnaud qal li din ma tistax tintuża b’mod skorrett mid-difiża.
Is-Supretendent Arnaud qal li huwa ma jiftakarx li kien qal b’mod skjett kif qalet id-difiża li l-investigazzjoni dwar Fenech hija magħluqa. Qal li kollega fl-uffiċċju tiegħu għadu qiegħed jara u jinvestiga materjal li nġabar mingħand l-akkużat Fenech. Id-deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal kif dwar ir-reat hemm investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.
Huwa spjega kif lejlet meta ġie arrestat Yorgen Fenech huwa rċieva messaġġ mingħand persuna ‘mniżżla fil-mobile bħala ‘Uncle Ray’. Dan bgħatlu link ta’ artiklu li kien qed jikkwota lill-eks-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid se jsir minn kollox biex jinkixfu l-fatti dwar il-każ. F’messaġġ ieħor reġa’ qallu li hu nfurmat li dan ma kienx kliem fieraħ u li kien ser ikun hemm xi żviluppi dwar il-każ. Qallu biex imur post sigur qabel ikun tard wisq. Huwa kompla jaqra numru ta’ messaġġi bejniethom dwar fejn seta’ imur.
Id-Deputat Avukat Ġenerali kompla jaqra minn dawn il-messaġġi u bgħatlu link oħra ta’ meta ġie żvelat li kien ġie arrestat Melvin Theuma. Fil-messaġġi jidher ukoll jiftaħlu għajnejh lil Fenech sabiex joqgħod attent xi traċċi jħalli warajh bl-użu ta’ cards bankarji. Fil-messaġġi dan ‘Uncle Ray’ jsaqsieh jekk kellimx lil ‘K’. Fenech wieġbu fl-affermattiv u qal li ‘K’ kien qallu sabiex jibqa’ kalm għaliex ma kien ser jiċċaqlaq xejn. ‘Uncle Ray’ wieġbu lura u qallu sabiex ma jafda lil ħadd.
Mill-messaġġi ħareġ kif il-pjan allegatament kien li Fenech jitla’ bid-dgħajsa Pozzallo fejn imbgħad bi trakk żgħir jibqa’ tiela’. Id-Deputat Avukat Ġenerali kompla jikkwota wkoll minn messaġġi bejn Fenech u ħuħ. Ħuħ jidher jiftaħlu għajnejh sabiex jitilqu mill-pajjiż sabiex jirbħu l-ħin. Qal kif permezz ta’ messaġġ prova jfittex ukoll titjira privata lejn Nizza.
14:06 – Fil-Qorti qed isiru s-sottomissjonijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech. Id-difiża bdiet billi nnutat li mhux normali li persuna wara sena u nofs ħabs ma jingħatax il-‘bail’.
Ġiet innotata wkoll il-fedina penali netta tal-imputat filwaqt li qalet kif mhux minnu li l-imputat għandu flejjes jew assi barra minn xtutna. Id-difiża qalet li m’hemmx biża’ li l-akkużat jaħrab minn Malta.
Dwar l-episodju tal-yacht id-difiża qalet kif sa ġimgħa qabel huwa kien imsiefer Franza u ġie lura u li għalhekk jirrifjutaw li jaċċettaw li huwa kien qed jagħmel tentattiv ta’ ħarba ftit qabel ġie arrestat.
Id-difiża elenkat numru ta’ sentenzi tal-qorti li jgħidu kif f’ċirkostanzi simili m’hemmx ġustifikazzjoni li persuna tinżamm arrestata. Qal kif bniedem b’kondotta nadifa li għadu preżunt innoċenti ma jistax jibqa’ jinżamm il-ħabs. Id-difiża qalet li fil-Qorti ta’ pajjiżna ma jsirux każijiet politiċi.
Qalet kif hawn persuni li jidhru li qed jippruvaw jew irnexxielhom idawwru dan il-każ f’wieħed politiku meta fil-veritá huwa wieħed kriminali.
13:50 – Is-supretendent Keith Arnaud temm jagħmel il-mistoqsijiet dwar dan ir-recording. Il-Qorti ssospendiet ix-xhieda ta’ Melvin Theuma għal-lum.
13:47 – Theuma fir-recording ikompli jinstema’ jgħid kif din id-darba ‘jikxifhom’ u qal li kien qed jgħid li sejjer għand il-pulizija. Qal li ma Johann kien jiftaħ qalbu. F’biċċa mir-recording jinstema’ jgħid li “Mejjet biex inċempillu.” Qal li hawnhekk kien qed jgħid li jixtieq iċempel lil Yorgen Fenech.
Johann ħin minnhom jgħid “Ma jaħmlux pinġut”. Theuma spjega kif Johann kien qallu li l-Kummissarju ma jaħmlux lil Yorgen Fenech. Madanakollu qal ukoll kif Fenech kien qallu li lill-Kummissarju hu ma jafux.
Is-Supretendent Keith Arnaud staqsieh kif filli jgħid fir-recording li Yorgen Fenech ma kienx qed iwieġbu u filli jgħid li jaf meta ser isiefer. Theuma wieġeb li ma kienx qed iwieġbu iżda ġieli tiġi ġurnata u jgħidlu biex dakinhar jiġi għalih għax kien ser isiefer.
13:39 – Fir-recording qed jinstema’ Cremona jgħid kif l-informazzjoni dwar postijiet ta’ fejn ser isiru l-arresti kien qallu bihom l-Kummissarju u hemmhekk Theuma jinstema’ jgħid ‘Mela’. Qal li madanakollu huwa ma kien jaf b’xejn dak iż-żmien u qal ‘Mela’ għax għandu vizzju jgħid hekk meta jkun qed jitkellem.
13:27 – Il-biċċa nstabet u fiha Theuma qed jgħid li Johann Cremona jinstema’ jgħidlu li lil persuna li isimha ma jistax tissemma, il-Kummissarju kien taha l-informazzjoni. Fir-recording Theuma jinstema’ jitlob lil Johann Cremona biex iċempel lil din l-istess persuna.
Qal li Theuma dejjem qalilhom li kif jiġi arrestat kien ser jikxef kollox u qal kif fil-fatt hekk kif ġie arrestat mill-ewwel talab li jkellem lis-supretendent Keith Arnaud.
13:11 – Ix-xhud ġie mistoqsi dwar parti speċifika mir-recording iżda dan ma ftakarx li semagħha. Għalhekk intalab biex din il-parti speċifika tinstema’ mill-ġdid iżda din għadha ma nstabitx. Għall-aħħar ftit minuti t-tekniku qed jipprova jsib din il-parti speċifika filwaqt li jqabblu mat-traskrizzjoni.
12:59 – Wara li kompla jinstema’ r-recoring, ix-xhud tkellem dwar messaġġ li darba bagħat lil Cremona bi żball għaliex kellu jibgħatu lil Fenech. Qal li dak iż-żmien kellu ħafna tgerfix f’moħħu ħabba l-qtil. Meta mistoqsi x’kien dan it-tgerfix huwa qal illi kien anke dwar jekk hux ser jarrestawh jew le.
12:36 – Ix-xhud qal li qed jifhem u komplew jinstemgħu r-recordings.
12:21 – Il-problema fis-sound tar-recordings baqgħet ma ssolvietx. Il-Qorti f’dan l-istadju ser tara jekk ix-xhud għadux jifhem dak li qed jintqal fir-recordings. Jekk ix-xhud ikun qed jifhem is-seduta tkompli.
11:56 – Is-seduta ġiet sospiża għal ftit minuti wara li numru ta’ ‘speakers’ mhux jaħdmu u l-kwalità tas-sound huwa ħażin ħafna. Sadanittant it-tekniku qed jipprova jirranġa l-problema.
11:43 – Fl-awla daħal mill-ġdid ix-xhud Melvin Theuma sabiex ikompli bix-xhieda tiegħu.
Fir-recording Johann Cremona jinstema’ jgħid li ser iċempel lil Kenneth Camilleri sabiex Melvin Theuma ma jinġabarx. Dan ftit wara li kienu qed jitkellmu dwar kif kellu jiġi arrestat Theuma. Dwar dan Theuma qal li diffiċli jispjega u li l-verżjoni kienet inbidlet. Fil-Qorti kompla jinstema’ r-recording.
11:28 – Fir-recording jinstema’ jgħid li l-kummissarju kien diġà qal lil Edwin Brincat, dwar postijiet fejn setgħu jarrestaw lil Theuma. Qal li madanakollu Theuma kien qed jigdeb lil Johann Cremona sabiex jara jekk kienx qed jgħidlu l-verità.
Id-difiża talbet sabiex ix-xhieda tkun sospiża u sabiex Theuma joħroġ mill-awla sabiex issir referenza mid-difiża għax-xhieda tal-istess xhud f’seduti preċedenti. Il-Qorti laqgħet it-talba iżda l-Qorti talbet sabiex is-sottomissjonijiet tad-difiża ma jkunux ippublikati.
11:19 – Qal li lil Keith Schembri kien ser jaffaċjah u saq darbtejn lejn Kastilja iżda imbgħad ma daħalx. Qal li huwa kellu f’moħħu li jgħidlu kollox dwar id-delitt u jsaqsieh għall-flus.
Fir-recording instemgħu wkoll jitkellmu dwar Hal Safi, is-Siġġiewi u ż-Żurrieq. Qal li huwa kellu l-proprjetà f’Ħal Safi u fiż-Żurrieq iżda mhux fis-Siġġiewi.
Theuma qal li Johann Cremona kien jgħidlu li l-informazzjoni kien iġibha mingħand Kenneth Camilleri u li dan kien iġib l-informazzjoni mingħand Keith Schembri.
11:12 – Qal li kien hemm tnejn min-nies li kienu jħassrulu biex jikxef u qal li Yorgen Fenech ukoll kien jirnexxielu jikkalmah bi kliemu. Qal li lis-Supretendent Kieth Arnaud wara l-arrest kien qallu mill-ewwel li l-mandant huwa Yorgen Fenech u biex jgħid lil iben Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia biex jaħfirlu għaliex “spiċċa daħal f’basla”.
Qal kif meta kien jibda jsuq biex imur jikxef kollox mal-pulizija kien ikun sejjer id-depot biex ikellem lis-supretendent Keith Arnaud għaliex qal li kien jaf li l-investigazzjonijiet dwar il-każ kienu f’idejh.
11:08 – Qal li huwa ġieli kien ser isiefer u jkun ser iħassar il-biljetti għaliex jgħidulu li ser jinġabar mill-pulizija. Qal li madankollu sa filgħaxija kienu jbiddlu l-verżjoni u jgħidulu li mhux ser jarrestawh.
Huwa qed ikun mistoqsi għaliex fir-‘recording’ huwa jidher konvint li mhux ser jinġabar mill-pulizija. Qal li huwa kemm-il darba qalilhom li jekk jinġabar jikxef dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galiziia. Qal li huwa kien jgħid lil Johann Cremona dan il-kliem u anke lil Yorgen Fenech.
Qal li hu kien jaf li jekk jinġabar mill-pulizija ma kienx ikun biss minħabba akkużi ta’ money laundering iżda kien ikun investigat dwar id-delitt u għalhekk kien jheddidhom li jekk jiġi arrestat huwa kien jikxef dwar il-qtil. Qal li huwa kemm-il darba saq biex imur jikxef u dar lura għaliex qal kif ma setax jibqa’ għaddej fil-ħajja li kien.
11:02 – Meta mistoqsi dwar dan ir-recording Theuma stqarr li dan ir-recording ittieħed fis-sena li fiha kien ġie arrestat. Qal li hawnhekk kienu fl-ufiċċju ta’ Johann Cremona.
Qal li huma kienu bdew jiftiehmu biex jibdew jibgħatu lil xulxin permezz tas-‘Signal’ sabiex il-messaġġi jitħassru awtomatikament wara li jinqraw.
Fir-recording huwa jinstema’ jgħid “la għaffġuha iridu jirranġawha, messhom ma qgħadux ‘jittapjawni’.” Qal li huwa kien jemmen li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu ordnaw li jiġi ttapjat sabiex “jitfugħ ġewwa” u għalhekk Yorgen Fenech ma jkollux għalfejn itih iktar flus biex jgħaddihom lill-allegat eżekuturi tal-qtil.
10:50 – Wara li nstemgħet parti żgħira mir-recording Theuma stqarr kif fir-recording jinstemgħu jitkellmu hu u Johann Cremona, li kien jaħdem fin-negozju ma’ Yorgen Fenech.
Mill-gallarija tal-awla fejn hawn il-midja hija diffiċli ħafna biex wieħed jifhem x’qed jingħad fir-recording.
10:40 – Il-Qorti rriaffermat sabiex ċertu ismijiet li kien ingħata divjett fuqhom fis-seduta li għaddiet ma jissemmewx mill-midja. Fil-Qorti komplew jinstemgħu r-recordings li kien ħa Melvin Theuma stess.
10:38 – Yorgen Fenech tħalla ipoġġi fejn l-avukati tiegħu sabiex ikun jista’ jsegwi t-traskrizzjonijiet tar-recordings u d-dokumenti li għandhom f’idejhom, waqt li Melvin Theuma jkun qed jagħti x-xhieda tiegħu.
10:36 – Qed tixhed bħalissa rapreżentanta minn kumpanija tat-telekomunikazzjoni li qed tixhed dwar talbiet li sarulhom mill-pulizija għall-informazzjoni u l-informazzjoni li ġabru dwar numru ta’ kontijiet.
Fl-awla daħal issa x-xhud Melvin Theuma sabiex ikompli jixhed dwar dan il-każ.
10:20 – F’awla 22 tal-Qorti qed jinstemgħu xi kawżi oħra qabel jiddaħħal fl-awla l-akkużat Yorgen Fenech sabiex tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Illum mistenni jirritorna fuq il-pedana tax-xhieda il-middleman Melvin Theuma fejn mistenni jsir il-kontro-eżami tiegħu mill-avukati tad-difiża.
Aktar qabel – Illum tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
ONE News se jkun qed jaġġorna b’mod kontinwu tul is-smigħ tal-każ.