“Mill-mera tal-karozza rajt raġel beda jxejjer idejh u xi daqqiet fuq mara … bid-daqqiet waqgħet mal-art. Ir-raġel qasam lejn il-knisja, rikeb f’karozza u saq. Jien ipparkjajt u mort ħdejn il-mara biex ngħinha imma sibtha f’għadira demm bil-manku tas-sikkina ħiereġ minn rasha.”
Din hija x-xhieda xokkanti ta’ Antonio Mangion minn Ħaż-Żabbar li ra l-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, ta’ 34 sena minn Ħal Safi, iseħħ barra l-każin tas-St. Patricks.
Mangion ta x-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni kontra Justin Borg ta’ 33 sena minn Ħal Safi li jinsab mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Chantelle Chetcuti u omm iż-żewġ uliedu.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Mangion xehed li għal għall-ħabta tat-8:20 ta’ filgħaxija tal-ewwel Ħadd ta’ Frar kien se jwassal lil uliedu d-dar. Qal li xħin wasal quddiem il-każin ra mara u raġel. Xehed li mill-mera ra lir-raġel ixejjer idejh u xi daqqiet fuq il-mara li waqgħet mal-art.
Xehed li waqaf u pparkja u qal lil uliedu jibqgħu fil-karozza. Bla ma identifikah, qal li ra raġel jaqsam lejn il-knisja ta’ Ħaz Zabbar, jirkeb f’karozza u jsuq. Xħin wasal ħdejn il-mara sabha mal-art b’sikkina f’rasha f’għadira demm.
“Il-mara kienet mal-art, b’xagħarha fuq wiċċha, bil-manku tas-sikkina ħiereġ minn rasha. Dħalt niġri fil-kazin u għidtilhom iċemplu ambulanza u lill-pulizija”, xehed Mangion li fisser ix-xena bħala xokkanti.
Qal li wara li wassal lil ulieda d-dar, reġa’ mar fuq ix-xena tad-delitt biex jgħin lill-pulizija.
Fil-kumpilazzjoni, li qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra, ħareġ li qabel inqatlet, Chantelle kienet qed tilgħab logħba billiard ma’ Silvan Medina, ħabib tagħha fil-każin tas-St. Patricks.
Medina xehed li għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija marru l-każin u bdew jilagħbu u ħadu drink. Qal li fil-każin lemħet lil ċertu Dylan, u qaltlu la hawn Dylan ġej hu, b’referenza għall-akkużat.
Xehed li ma damx ma wasal Justin u b’ton normali u kalm qal lill-vittma li għandhom bżonn jitkellmu. Iżda Chantelle għażlet li tinjorah. Silvan xehed li meta l-akkużat staqsih jekk setax ikellimha, wieġbu li ma jidħolx bejniethom.
Xehed li żewġ minuti wara li Chantelle u Justin ħarġu mill-każin, daħal raġel fil-ħanut u qalilhom iċemplu għal ambulanza. Silvan xehed li malli ħareġ u sab lil Chantelle f’għadira demm b’sikkina f’rasha telaq jiġri lejn l-għassa tal-pulizija.
Mistoqsi mill-ispettur Kurt Zahra dwar ir-relazzjoni li kellu ma Chantelle, Silvan qal li hu ħabib tagħha u ltaqa’ magħha fl-aħħar festa tal-Madonna tal-Grazzja.
Xehed ukoll il-kuntistabbli Dexter Agius. Qal li dakinhar tad-delitt kien ħdejn il-grada fid-Depot tal-Pulizija. Qal li f’daqqa waħda l-akkużat daħal bi ħwejġu mimli demm u qal li ta daqqa tas-sikkina lit-tfajla.
Qal li Borg kellu xokk fuqu u daħal id-depot b’idejh tal-lemin miftuħa u ħiereġ id-demm minnha, tant li mela kull m’hemm bid-demm. Huwa ċempel lill-pulizija tar-rapid intervention unit li marru minnufih u ħaduh b’ambulanza lejn l-isptar.
L-ispettur Kurt Zahra xehed li ppreżenta żewġ stqarrijiet li ttieħdu lil Justin Borg u li għarraf lill-akkużat bil-mewt ta’ Chantelle it-Tnejn filgħaxija.
Hija mietet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, kaġun ta’ ħames daqqiet ta’ sikkina tal-kċina li qalgħet f’bosta partijiet ta’ ġisimha, inkluż f’rasha u f’għonqha.