Palestinjan ta’ 32 sena tilef ħajtu wara li ttajjar minn karozza tal-għamla Kia Picanto misjuqa minn raġel ta’ 28 sena miż-Żejtun fil-Marsa-Ħamrun Bypass. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 23:45 tal-Ħamis filgħaxija.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna iżda sfortunament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Ix-xufier ingħata ukoll l-assistenza medika u ttieħed l-Isptar Mater Dei minnħabba li kien qiegħed isofri minn xokk qawwi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.