Uffiċjali Palestinjani qalu li l-jum tal-Ħadd kien l-aktar wieħed li mietu fih nies f’Gaża.
Aktar minn 40 persuna nqatlu fl-aħħar attakki mill-ajru tal-Iżrael, fosthom 16-il mara u 10 itfal.
L-Armata Iżraelita qed tgħid kif il-militanti Palestinjani sparaw aktar minn 3,000 rokit lejn Iżrael fuq medda ta’ ġimgħa.
Għal dan kollu s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda qal li jekk dan il-ġlied se jippersisti, jista’ jwasssal għal kriżi serja f’dawn in-naħat.
Fil-jum tat-Tnejn l-Iżraeliti attakkaw lil Gaża mill-ajru, b’bosta bumbardamenti kienu mmirati apposta għal fuq il-mini tal-militanti tal-Hamas.
Min-naħa l-oħra l-Hamas baqa’ wkoll jispara rokits lejn in-Nofshinar tal-Iżrael.
Intant, il-midja internazzjonali rrappurtat ukoll li dan il-ġlied qed iwassal għal nuqqas ta’ fjuwil f’Gaża, ħaġa li tista’ twassal biex l-isptarijiet u faċilitajiet importanti oħra jispiċċaw bla dawl.
Rapporti qed jgħidu wkoll li wieħed mill-Kap Kmandanti tal-Grupp Iżlamiku tal-Palestinjani nqatel f’Gaża.
Numru ta’ Palestinjani midruba ntbagħtu fi sptarijiet Eġizzjani fil-peniżola tas-Sinaj, hekk kif l-awtoritajiet Eġizzjani qalu li huma lesti jilqgħu l-vittmi midruba mill-attalki ta’ Iżrael.