F’qiegħ il-baħar ta’ Miġra l-Ferħa nstabu numru ta’ armi, munizzjon u anki materjal suspettat splussiv.
Kien ONE News li żvela kif dalgħodu kienet għaddejja operazzjoni tal-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija assistiti minn patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
ONE News kien fuq il-post u seta’ jara bugħaddasa fil-baħar filwaqt li kien hemm preżenza tal-pulizija mit-taqsima tar-Reati Maġġuri u anki tad-Distrett.
Fil-fatt il-pulizija għalqet l-aċċess għaż-żona biex tkun tista’ ssir din l-operazzjoni.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li ġiet infurmata li fiż-żona magħrufa bħala Miġra l-Ferħa, ir-Rabat, kienu ntlemħu xi armi f’qiegħ il-baħar.
It-tfittxijiet fil-baħar bdew ilbieraħ fit-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar u damu sas-sebgħa ta’ filgħaxija.
It-tfittxijiet komplew dalgħodu u ntemmu għall-ħabta tal-ħdax u nofs.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Aktar qabel – Bħalissa f’Miġra l-Ferħa għaddejja operazzjoni tal-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija assistiti minn patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
ONE News, li jinsab fuq il-post, seta’ jara bugħaddasa fil-baħar filwaqt li hemm preżenza tal-pulizija mit-taqsima tar-Reati Maġġuri u anki tad-Distrett.
Fil-fatt il-pulizija għalqet l-aċċess għaż-żona biex tkun tista’ ssir din l-operazzjoni li għalissa mhux magħruf bl-eżatt x’inhi, iżda sorsi qrib ONE News qalu li jista’ jagħti l-każ li għaddejja tfittxija għal xi oġġetti taħt il-baħar.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.