It-Talibani jidħlu f’Kabul, huma talbu sabiex ċittadini ma jaħarbux mill-Afganistan, minkejja l-biża’ mill-ġlied li Intensifika fl-aħħar jiem.
Ftit tal-ħin qabel l-Uffiċċju tal-President Afgan qal li kollox jinsab taħt kontroll.
Fuq Twitter dan l-Uffiċċju tenna li l-forzi tad-Difiża u s-sigurtà tal-pajjiż qed jaħdmu flimkien ma’ msieħba internazzjonali sabiex jassiguraw sigurtà fil-belt.
Aktar qabel – It-tensjoni fl-Afganistan issa qed tiżdied ukoll fil-kapitali Kabul hekk kif il-militanti Talibani komplew bl-avvanzi tagħhom, tant li issa Kabul hija l-unika belt ewlenija li għadha taħt il-kontroll tal-Gvern Afgan.
L-avvanz mgħaġġel tat-Talibani qed titfa’ pressjoni fuq il-President Afgan Ashraf Ghani biex jirreżenja.
Huwa għandu għażla x’jagħmel: li jċedi jew li jiġġieled biex iżomm il-kontroll fil-kapitali Kabul.
Intant, il-Ħadd filgħodu ħaddiema Amerikani fid-diplomazija bdew jiġu evakwati mill-Afganistan minn 5,000 truppi Amerikani li ntbagħtu apposta.