It-Taliban ħabbar Gvern interim li mistenni jiggverna fl-Afganistan.
Dan se jitmexxa minn wieħed mill-fundaturi tal-grupp, filwaqt li wieħed mill-miltanti li huwa mfittex mill-FBI, se jieħu l-irwol ta’ Ministru għall-Intern.
Dan l-iżvilupp seħħ fil-jum li l-grupp spara tiri ta’ twissija biex iferrex ġemgħa ta’ nies li ħarġu jipprotestaw fil-kapitali Kabul.
Filmat ippubblikat fuq il-midja soċjali juri nies jiġru malajr kemm jifilħu ‘l bogħod mill-ħoss tat-tiri.
Mijiet ta’ persuni niżlu fit-toroq jipprotestaw biex jiċħdu lit-Taliban filwaqt li saħqu fuq id-drittijiet tan-nisa.
Militanti tat-Taliban bdew jisparaw fl-ajra, xi ħaġa li kienet projbita mill-grupp stess wara li l-ġimgħa l-oħra diversi persuni nqatlu waqt li ġew sparati tiri ta’ ċelebrazzjoni.
Gwardjani tas-sigurtà li jaħdmu f’bank fil-viċinanzi, fetħu l-car parks tagħhom biex għexieren ta’ nisa jistaħbew mit-tiri li ġew sparati u li damu madwar għoxrin minuta.