Ir-raġel li huwa mifhum li aġixxa ta’ middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza reġa’ lura fid-Depot tal-Pulizja wara li l-Ġimgħa filgħodu ttieħed l-isptar.
Is-suspettat middleman li għandu 41 sena beda jilmenta li ma kienx qiegħed iħossu f’siktu u ttieħed l-isptar Mater Dei fuq talba tiegħu. Huwa kien akkumpanjat minn bosta uffiċjali tal-pulizija taħt sigurtà stretta.
Il-‘middleman’ talab għall-maħfra presidenzjali għal reati li wettaq fil-passat bil-kundizzjoni li jiżvela informazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galiza f’Ottubru ta’ sentejn ilu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qabel li joffri li tingħata l-maħfra presidenzjali kemm-il darba jirriżulta li l-informazzjoni li huwa jgħaddi lill-investigaturi tiġi kkoraborata fil-qorti.
Is-suspettat middleman ġie arrestat mill-Pulizija l-Ħamis li għadda bħala parti minn investigazzjoni dwar ħasil tal-flus u qiegħed jinżamm f’post sigur taħt superviżjoni stretta tal-pulizija.