Id-disgħa ta’ filgħodu. Bħal kull nhar ta’ Sibt, Misraħ San Ġakbu f’Ħaż-Żabbar hu mimli bil-vannijiet, li kienu qed ibiegħu kull xorta ta’ prodotti, waqt li diversi persuni, l-aktar anzjani, bdew jixtru bħala parti mill-qadi tal-ġurnata tagħhom.
Kwarta wara, sajjetta fil-bnazzi għal kull minn kien hemm.
Xhieda fuq il-post raw vettura tibqa’ dieħla f’oħra fil-bidu tal-misraħ u, minn hemm imbagħad, baqgħet nieżla b’veloċità fil-qalba tal-monti. Bil-konsegwenza li tajret dak kollu li sabet quddiemha, sakemm waqfet b’impatt f’karozza oħra, li kienet ipparkjata fit-tarf l-ieħor.
Minbarra l-għadd ta’ tilari tal-monti mgħaffġin, inkluż bejn iż-żewġ vetturi, bankarelli u kaxxi maqlubin u ħadid imkisser, il-kommossjoni kbira li nqalgħet fuq il-post kienet ikkawżata partikolarment bin-numru ta’ persuni li spiċċaw iweġġgħu.
Fil-Misraħ jiddomina wkoll l-għajjat u l-biki wara din l-esperjenza kiefra li għaddew minnha ż-Żabbarin.
Fuq il-post jissejħu għadd ta’ timijiet mill-Isptar Mater Dei u diversi ambulanzi, flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mill-Korp tal-Pulizija. Jassistu ukoll uffiċjali tal-LESA u ta’ Transport Malta.
Fil-Misraħ ta’ San Ġakbu, it-timijiet mediċi taw l-ewwel għajnuna lil disgħa persuna b’kollox, filwaqt li sitta minnhom kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Erbgħa minnhom nisa ta’ 39, 66, 77 u 84 sena u żewġt irġiel ta’ 36 u 81, kollha residenti f’Ħaż-Żabbar. Aktar tard il-mara ta’ 84 ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi u l-oħrajn kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfif.
Infermiera, li nzertat fuq il-post u ħelsitha bi żbrixx, ukoll bdiet tagħti l-għajnuna mill-ewwel.
Mill-informazzjoni f’idejn ONE News, jirriżulta li ħadd minn dawk li kellhom jiġu rikoverati ma kien f’qagħda kritika f’xi ħin.
Is-sewwieq tal-vettura, anzjan ta’ 79 sena minn Ħaż-Żabbar stess, ukoll kellu jiddaħħal għall-kura minħabba x-xokk fuqu. Jirriżulta li, mal-Pulizija, dan qal li ħassu ħażin, bil-konsegwenza li spiċċa għafas il-gass minflok il-brake.
Il-Kelliem għall-Pulizija, Brandon Pisani, stqarr minn fuq il-post stess li l-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja b’mod partikolari biex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ. Jgħid ukoll li dan il-każ kien wieħed aċċidentali.
SOT 1 BRANDON PISANI
KELLIEM, KORP TAL-PULIZIJA
“Ix-xufier, li hu anzjan ta’ 79 sena, jidher b’mod aċċidentali saq fejn kien armat il-monti. Kif taraw il-karozza waqfet ukoll fuq il-post, u f’dan il-post ukoll ix-xufier ta’ din il-vettura qed jingħata wkoll il-kura mit-tobba ta’ Mater Dei, biex jassistu b’mod mediku. ”
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, kien preżenti fuq il-post fejn tkellem mal-uffiċjali li kienu qed jassistu fuq il-post. Ftit wara, jikteb ukoll fuq il-midja soċjali il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li ta aktar dettalji dwar dawk li ttieħdu għall-kura.
Preżenti wkoll fuq il-post kien hemm anke s-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, li rringrazzja lil kull min ta l-Ewwel Għajnuna, filwaqt li talab lill-Madonna tal-Grazzja, patruna tal-lokal, biex iżżomm ħarsitha fuqhom.
Aqra wkoll: