Ir-Renju Unit formalment ħareġ mill-Unjoni Ewropea wara 47 sena msieħeb fiha.
Fil-ħdax ta’ bil-lejl, ħin Ingliż, tassew seħħ Brexit.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson laqqa’ l-Kabinett f’Sunderland u imbagħad indirizza lin-nazzjon siegħa qabel ma’ uffiċjalment seħħ Brexit.
Il-Big Ben baqa’ silenzjuż fil-ħin ta’ Brexit, iżda fi Brussell, il-qalba fejn hemm l-istituzzjonijiet Ewropej tniżżlu l-bnadar tar-Renju Unit.
Għalkemm ir-Renju Unit issa qatta’ l-karti minn mal-Unjoni Ewropea, ċertu affarijiet baqgħu l-istess hekk kif l-aħħar ftehim dwar Brexit iffissa perjodu tranżitorju sa tmiem din is-sena.
Fost l-oħrajn, dawk li se jivvjaġġaw mir-Renju Unit lejn l-Ewropa mistennija xorta jagħmlu dan b’mod normali.
Intant, dawk favur Brexit iċċelebraw it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea billi għamlu festin barra l-Parlament. Filwaqt li fl-Iskozja għamlu vġili u xegħlu x-xemgħat.
Tonight we are leaving the European Union. pic.twitter.com/zZBsrf4BLe
— Boris Johnson (@BorisJohnson) January 31, 2020