Żagħżugħ ta’ 14-il sena qed ikun mitkellem mill-pulizija wara li allegatament kien involut f’argument ma’ żagħżugħ ta’ 21 sena li huwa Ingliż u jgħix il-Mosta.
Kien għall-ħabta tal-4:45 ta’ waranofsinhar xħin waqt ronda mill-pulizija tar-Rapid Intervention Unit raw persuna mixħuta mal-art fi Triq Locker f’Tas-Sliema.
L-ewwel investigazzjonijiet tal-pulizija indikaw li x’aktarx kien hemm argument fi blokka ta’ appartament fl-istess triq.
Hawnhekk il-pulizija sabu ħafna dmija, hekk kif allegatament it-tfajjel ta’ 14-il sena ta daqqa ta’ sikkina liż-żagħżugħ ta’ 21 sena.
Jirriżulta li l-argument beda f’appartament fuq, bil-vittma ta’ 21 sena pprova jitlaq minn fuq il-post, iżda intilef minn sensih.
L-aggressur ittieħed ukoll lejn l-Isptar Mater Dei hekk kif jinsab taħt xokk.
Il-Pulizija kkonfermat ukoll li ż-żewġ żgħażagħ qed isofru minn ġrieħi gravi.